Ir-rivelazzjonijiet xokkanti tal-prattiki ta’ Uber huma tfakkira li b’mod urġenti għandna bżonn nagħtu lill-ħaddiema tal-pjattaformi l-protezzjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jistħoqqilhom. Dan kien il-messaġġ tal-MPE Alex Agius Saliba matul is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Nhar l-Erbgħa waranofsinhar il-Parlament Ewropew iddiskuta r-rivelazzjonijiet reċenti dwar il-prattiki tal-lobbying ta’ Uber fl-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjoni tas-sewwieqa ta’ Uber fl-Ewropa, u l-effett li l-attivitajiet ta’ lobbying ta’ Uber qed ikollhom fuq id-drittijiet tax-xogħol u soċjali tal-ħaddiema.
Fid-diskors tiegħu, il-MPE Alex Agius Saliba ddefenda lill-ħaddiema tal-pjattaformi u appella biex jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi maħluqa mill-ekonomija tal-pjattaformi u qal li l-ekonomija tal-pjattaformi trid issostni l-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol u d-drittijiet tax-xogħol tagħna.
Il-MPE Laburista qajjem ukoll dubji dwar il-moralità u l-legalità tal-prattiki ta’ lobbying involuti minn Uber u insista li qafas sod għat-trasparenza fil-lobbying huwa kruċjali biex tiġi salvagwardjata l-integrità tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi.
“Huwa moralment ħażin u mhux demokratiku meta kumpanija bħal Uber tippreferi tonfoq miljuni ta’ euro fuq lobbying politiku biex tikseb vantaġġ fis-suq jew timblokka leġiżlazzjoni li għandha l-għan li tiżgura protezzjoni minima ċara għall-ħaddiema tagħha, paga deċenti u assigurazzjoni tas-saħħa, filwaqt li fl-istess ħin tinjora kompletament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tax-xufiera tagħha,” qal il-MPE Agius Saliba fid-diskors tiegħu.
Agius Saliba ddikjara li pjattaformi bħal Uber ma vvintawx forom ġodda ta’ impjieg, iżda sempliċiment sabu modi ġodda biex jevitaw l-ispejjeż u r-responsabbiltajiet li għandu jkollhom bħala impjegaturi. Huwa qal li din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea teħtieġ Direttiva b’saħħitha għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi irrispettivament mit-tip ta’ impjieg tagħhom jew minn fejn jinsabu fl-Unjoni.
Huwa żied jgħid: “Mhuwiex normali li kumpanija tieħu deċiżjonijiet konxjament, minflok ma tinvesti biex tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-benesseri tan-nies tagħha, biex tonfoq miljuni ta’ euro u tinvolvi ruħha fi prattiki immorali sabiex tkun tista’ tevita kwalunkwe responsabbiltà, u timmina l-istandards soċjali u tal-impjieg, u b’hekk twassal għal forom prekarji ta’ impjieg, sfruttament tal-ħaddiema, u frodi tat-taxxa għad-detriment tal-ħaddiema mingħajr setgħa.”
Fir-rimarki konklużivi tiegħu, il-MPE tal-S&D Alex Agius Saliba qal li n-nies jeħtieġu impjiegi tajbin b’paga u kundizzjonijiet ġusti u deċenti, filwaqt li nnota li bil-leġiżlazzjoni t-tajba, huwa possibbli li dan isir ukoll fl-ekonomija tal-pjattaformi.