Anzjan ta’ 66 sena minn Ħaż-Żabbar qed isofri minn ġrieħi serji wara li kien involut f’ħabta head-on bejn żewġ trakkijiet f’Ħal Luqa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart ta’ dalgħodu fi Triq Ħal Far meta seħħet ħabta bejn trailer, misjuq minn raġel ta’ 60 sena minn Ħal Kirkop, u trakk, misjuq mill-anzjan. Bid-daqqa, it-trakk tkaxkar għal xi metri sakemm spiċċa mdendel f’għalqa fil-ġenb tat-triq bix-xufier spiċċa maqbud fil-kabina.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma ħaddiema tas-salvataġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew b’ħidma delikata sabiex joħorġu lir-raġel mill-kabina.
Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili rabtu lit-trakk ma’ vettura tas-salvataġġ biex jiżguraw li t-trakk ma jaqax sakemm kienet qed issir il-ħidma tas-salvataġġ. Preżenti wkoll kien hemm tabib tal-emerġenza li kien qed jagħti kura medika lir-raġel sakemm inħareġ mill-kabina u ttieħed l-isptar għall-kura.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.