- Is-settur tal-gaming ikompli jikber
- Quddiem l-isfidi qed jinħolqu opportunitajiet ġodda
Dik magħrufa bħala fantasy sports hija industrija li madwar id-dinja hija kkunsidrata bħala waħda multibiljunarja. Mhux ta’ b’xejn li tiġbed l-interess ta’ diversi pajjiżi b’Malta tidher li se tkun qed tirnexxi f’dan is-suq ukoll. Wara li s-sena li għaddiet l-Awtorità Maltija tal-Logħob introduċiet regolamenti ġodda, li permezz tagħhom irregolat aħjar dan it-tip ta’ logħob, l-interess żdied u fost oħrajn mistennija jibdew ikunu bbażati f’pajjiżna fost l-ikbar kumpaniji
Mal-gazzetta Kullħadd, ic-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Gaming Joseph Cuschieri żvela kif f’temp ta’ ftit xhur, ir-regolamenti l-ġodda attiraw l-interess ta’ ħmistax–il kumpanija nvoluti fil-fantasy sports.
“Ħassejna l-bżonn li nkunu l-ewwel awtorità li uffiċjalment tieħu pożizzjoni fuq dan it-tip ta’ logħob u apparti minn hekk ħriġna sett ta’ regolamenti biex dawn il-kumpaniji jkunu liċenzjati f’pajjiżna. F’Awwissu tas-sena li għaddiet ħriġna r-regolamenti l-ġodda u skont il-proċedura avżajna lill-Kummissjoni Ewropea bihom. Sa Jannar ta’ din is-sena rċevejna rispons minn 15-il kumpanija li riedu jkunu liċenzjati taħt ir-regolamenti l-ġodda. Uħud minn dawn il-kumpaniji huma kbar ħafna u nista’ ngħidlek li fiż-żmien li ġej uħud mill-kumpaniji se jħabbru li se jiġu f’pajjiżna biex minn hawnhekk iservu s-suq Ewropew. Malta hija bażi soda biżżejjed biex minn hawn dawn il-kumpaniji jservu lill-pajjiżi Ewropej u saħansitra pajjiżi barra mill-Ewropa,” spjega Cuschieri.
X’inhu l-fantasy sports?
Il-fantasy sports huwa logħob li jintlagħab online u f’dinja virtwali dak li jkun qed jilgħab jista’ jagħżel atleti famużi biex jgħaqqad it-tim u jilgħab l-isport. Pereżempju logħba futbol online, il-plejer jista’ jagħżel l-atleti li jixtieq, minn Juan Mata sa Paulo Dybala u jgħaqqad tim tal-futbol li bih ikun jista’ jilgħab kontra l-avversarju. Huwa logħob fejn wieħed jesponi l-ħiliet tiegħu, il-kapaċità li jidentifika plejer aħjar minn ieħor filwaqt li jesponi t-teknika li juża tul il-logħba. Dak li jkun irid jagħmilha ta’ kowċ u maniġer tat-tim fl-istess ħin. B’differenza mil-logħob reali li jdum għaddej staġun sħiħ, dan il-logħob virtwali jintemm f’temp ta’ ġimgħa.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar l-industrija ta’ dan it-tip ta’ logħob qed tkompli tikber. Bejn l-2014 u l-2015 fl-Istati Uniti biss kien hemm żieda qawwija fid-domanda għal dan it-tip ta’ logħob filwaqt li huwa stmat li dan il-logħob iħalli bejn tlieta u erba’ biljun dollaru fl-industrija tal-isports.
Ir-regolamenti l-ġodda saru b’mod li l-logħob fantasy sports jiddistingwu ruħhom mil-logħob tal-imħatri.
“Lura f’Diċembru tal-2014 konna ppubblikajna dokument ta’ konsultazzjoni biex jiddetermina u jagħmel distinzjoni bejn logħob tal-azzard u tal-ħila jiġifieri meta l-plejer ikun qed juri l-kapaċitajiet tiegħu u b’hekk jista’ jiddetermina fejn se tmur il-logħba. Bħala Awtorità ħassejna li kellna nintervjenu għax f’dan il-logħob min jilgħab jirbaħ premju u minnu ikun hemm tip ta’ ħila,” spjega Cuschieri.
Żied jgħid li l-Awtorità ħadet deċiżjoni ċara, dik li logħob fejn min qed jilgħab jiddetermina r-riżultat tal-logħba imur ferm lil hinn mil-logħob tal-azzard.
“Bażikament l-Awtorità stabbilixxiet definizzjoni konkreta ta’ x’jagħmel il-fantasy sports differenti minn oħrajn. Id-dokument ġab miegħu rispons tajjeb ħafna anke fuq livell internazzjonali. Wara d-dokument, ħriġna regolamenti ġodda biex nibdew nilliċenzjaw aħjar dawn il-kumpaniji. Liċenzja li hi differenti minn dik li tingħata lill-kumpaniji tal-logħob tal-azzard. Bħalissa għandna operaturi li joffru logħob tal-fantasy sports però għandhom il-liċenzja tal-imħatri. Bil-kriterji l-ġodda se jikklassifikaw għal liċenzja differenti għax it-tip ta’ logħob huwa ta’ natura differenti, u anke t-teknoloġija li jużaw hija differenti” spjega Joseph Cuschieri.
Cuschieri qed jistenna li dawn il-kumpaniji, li qed jikbru b’rata mgħaġġla ferm, jiġġeneraw mijiet ta’ impjeġi. “Mhux biss l-operaturi fis-settur imma anke dawk li joffru servizz lil dawn il-kumpaniji. Nemmen li bħalma kbirna fis-settur tal-imħatri online, issa deħlin f’fażi ġdida, era ġdida, fejn ħa nibdew nikbru fil-fantasy sports u logħob ieħor simili li jibda jaqa’ taħt din il-kategorija,” temm jgħid Joseph Cuschieri b’ton ta’ottimiżmu.