Tlett ijiem wara li d-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet li ma jiddispjaċihiex li l-hekk imsejħa ‘Blue Heroes’ tal-Partit Nazzjonalista qaċċtu lil Adrian Delia minn Kap fis-sajf tal-2020, kompliet toħroġ biċ-ċar il-qasma fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
ONE News mar quddiem il-Parlament jistaqsi lid-Deputati Nazzjonalisti fuq dawn id-dikjarazzjonijiet.
Spikkat, fost oħrajn, ir-risposta skjetta u diretta tad-Deputat Alex Borg, magħruf għall-qrubija tiegħu ma’ Adrian Delia u l-fazzjoni tiegħu.
B’dikjarazzjoni li titkellem waħedaha, Borg sostna hekk.
“Jien nista’ nitkellem fuqi nnifsi. Ħaddieħor jitkellem hu fuq l-għemil tiegħu.”
Spikka wkoll il-kumment tad-Deputat Janice Chetcuti, li sostniet li hi taħdem ma’ kull Kap.
Botta ċara lejn Buttigieg li, b’differenza, ħadmet qatigħ biex l-eks Kap Nazzjonalista jitqaċċat minn postu.
Hi qalet, “Jiena fuqi nista’ nkellmek. Jiena naħseb dejjem raw in-nies li jien dejjem naħdem ma’ kull Kap.”
Sorsi fid-Dar Ċentrali,kienu tkellmu ma’ ONE News dwar kif Chetcuti kienet waħda minn dawk li kellhom xi jgħidu sew mal-Kap Bernard Grech u mal-klikka li tmexxih wara li l-Kap mar lura minn kelmtu li kellu jkun hemm Viċi Kap Nazzjonalista mara.
Fil-fatt, għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista kien ħareġ Alex Perici Calascione waħdu, minkejja li ħafna kienu qed jgħidu li Janice Chetcuti kienet interessata sew f’din il-kariga.
Intant, l-istess sorsi fid-Dar Ċentrali għamlu kuntatt ma’ ONE News u infurmawna bl-għadab kbir li hemm min-nies, partikolarment qrib l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fid-Dar Ċentrali, wara l-kummenti ta’ Claudette Buttigieg. Buttigieg kompliet titfa’ l-melħ fuq il-ferita ta’ ħafna; ferita li qed ikompli jiġi kkonfermat kemm baqgħet miftuħa f’Tal-Pietà.