Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, inawgura b’mod uffiċjali l-binja tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fil-Ghana.
Waqt l-inawgurazzjoni, fil-preżenza ta’ ambaxxaturi ta’ pajjiżi oħra fil-Ghana, il-Ministru Ian Borg qal li din il-Kummissjoni hija turija ċara tal-impenn u r-rieda ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali ma’ dan il-pajjiż tant importanti fil-kontinent Afrikan.
Innota wkoll li din hija l-ewwel rappreżentanza diplomatika Maltija fl-Afrika sub-Saħarjana, li ilha mill-elfejn u dsatax.
Qal, “Irridu mhux biss li tkun preżenza għall-pajjiż innifsu, imma l-importanza li permezz tagħha nidħlu u nagħmlu suċċess ukoll f’pajjiżi oħra ġewwa r-reġjun, speċjalment fil-West Africa.”
Dan il-pass imur id f’id mal-istrateġija ta’ Malta dwar l-Afrika għall-perjodu bejn l-2020 u l-2025, għax se tkompli tissaħħaħ is-sħubija bejn pajjiżna u l-kontinent Afrikan.
Il-Kummissarju Għoli Malti għall-Ghana, Jean Claude Galea Mallia, sostna li dan il-pass se jservi bħala katalist għal aktar tkabbir u żvilupp f’din is-sħubija strateġika.
Qal, “Jidher ċar li hemm l-apetite, hemm il-ġuħ ta’ negozju ġdid. Qed naraw li l-Afrika tibqa’ ta’ interess qawwi. Qed naraw anki ċaqliq mill-Maghreb, fejn qed naraw anki fis-Sub Sahara interess. Ovvjament, dan jiġi b’impenn min-naħa tal-Ministeru, li jiftaħ dawn il-bibien.”
Id-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ghana, Kwaku Ampratwum-Sarpong, qal li huwa ta’ unur li Malta, bħala pajjiż fil-Mediterran u fl-Unjoni Ewropea, qed jiftaħ din il-binja tal-Kummissjoni Għolja fil-Ghana. Huwa esprima l-ħerqa tiegħu għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.