Ir-raġel li qatel mara Torka fil-Gżira dalgħodu ġie identifikat bħala Jeremie Camilleri.
Camilleri, ċittadin Malti-Franċiż ta’ 33 sena, li joqgħod Ħal Lija, kellu jitrażżan minn uffiċjali tal-pulizija wara li rreżista l-arrest ftit wara l-ħabta li seħħet fis-1am fi Triq Testaferrata.
Camilleri twieled fl-Alġerija u xellef difru mal-liġi kemm- il darba. L-aktar episodju riċenti seħħ ġimagħtejn ilu. Fl-4 ta’ Jannar, wieġeb li hu ħati għal serq minuri minn ħwienet tal-ikel f’Tas-Sliema u Ħ’Attard. Wieġeb li hu ħati wkoll li kiser ordni ta’ probation.
F’inċident ieħor f’Novembru li għadda, xi ħadd tefa’ apparat splussiv żgħir minn tieqa f’dar Camilleri u ħarab minn fuq il-post.
Fl-2012, huwa nstab ħati li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ xi ħadd u kien irċieva sentenza ta’ sena ħabs, sospiża għal sena.
Il-Pulizija qalet li Camilleri rriżulta pożittiv għall-kokaina u l-alkoħol wara l-ħabta ta’ dalgħodu u bħalissa qed jinżamm fl-Isptar Mater Dei.
Il-vittma, mara Torka ta’ 30 sena, mietet ftit wara li ttieħdet l-isptar b’urġenza.