Il-problema globali ta’ skarsezza fil-mediċini teħtieġ soluzzjoni konġunta Ewropea.
Dan saħquh diversi Membri Parlamentari Ewropej waqt dibattitu mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides.
Il-Kummissarju Kyriakides qalet li minn dak diskuss, se jiġu proposti bidliet f’liġi Ewropea dwar il-farmaċewtika li se jinkludu obbligazzjonijiet aktar b’saħħithom għall-provvista tal-mediċini.
Kyriakides qalet li n-nuqqas ta’ antibijotiċi hija problema li qed tikber f’diversi pajjiżi Ewropej. Qalet li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li l-leġiżlazzjoni dwar il-farmaċewtika tiġi riveduta fil-ġimgħat li ġejjin.
“Dan biex il-pazjenti kollha fil-bżonn ikunu assigurati aċċess għall-mediċini”, saħqet Kyriakides.
Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, in-nuqqas tal-antibijotiċi ġie rrappurtat f’sitta u għoxrin pajjiż Ewropew.