Skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, ix-xahar li għadda Malta kellha r-raba’ l-inqas rata ta’ inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Filwaqt li r-rata ta’ inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea f’Diċembru 2022 kienet 10.4 fil-mija u dik tal-pajjiżi li jużaw l-Ewro kienet 9.2 fil-mija, ir-rata ta’ Malta kienet 7.3 fil-mija.
Total ta’ 23 mis-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea kellhom rata ta’ inflazzjoni ogħla minn Malta. L-ogħla rati ġew irreġistrati fl-Ungerija (25.0 fil-mija), il-Latvija (20.7 fil-mija), u l-Litwanja (20.0 fil-mija).
L-Eurostat irrimarka li l-akbar kontribuzzjonijiet għar-rata ta’ inflazzjoni annwali fiż-Żona tal-Ewro kienu mill-ikel, l-alkoħol u t-tabakk, segwit mil-enerġija, is-servizzi, u l-prodotti industrijali mhux tal-enerġija.