Frott ftehim li ġie ffirmat it-Tlieta bejn l-Anzjanità Attiva u tmien Kunsilli Lokali, ġew mħabbra kollaborazzjonijiet favur persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja u li jgħixu fil-komunitajiet madwar pajjiżna.
B’hekk qed tiġi implimentata proposta oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li toffri taħriġ speċjalizzat lill-ewwel persuni li jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ persuni bid-dimenzja.
Il-Kunsilli Lokali li se jipparteċipaw f’dawn il-kollaborazzjonijiet huma dawk ta’ Ħal Kirkop, Bormla, Pembroke, Ħad-Dingli, Għajnsielem, Żejtun, Mosta u Ħaż-Żebbuġ.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, fost oħrajn se jkun hemm impenn sabiex jiżdied l-għarfien dwar din il-kundizzjoni, billi jitwettqu sensiela ta’ taħditiet li se jkunu miftuħa għall-komunitajiet lokali. Taħdidiet b’għarfien saħansitra mingħand professjonisti li jaħdmu fil-qasam tad-dimensja.
B’hekk il-komunitajiet jkunu jistgħu jifhmu u jirrispettaw aħjar lill-persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja filwaqt li jagħmlu minn kollox biex dawn il-persuni jgħixu bl-aħjar mod.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela sostna l-importanza ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet hekk kif aċċenna għal studji li wrew li ħafna nies li jgħixu bid-dimensja jħossuhom waħedhom u iżolati, b’aktar minn wieħed minn kull erba’ anzjani jgħidu li jħossuhom maqtugħin ukoll mis-soċjetà.
“Irridu li l-anzjani, speċjalment l-anzjani bid-dimensja, biex dawn l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja b’dinjità, il-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti u kruċjali, għax il-Kunsill Lokali huma l-interface bejn il-Gvern u ċ-ċittadin”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ukoll faħħret din l-inizjattiva.
“Il-Kunsilli Lokali huma l-ispalla għar-residenti tagħha, anke fejn jidħlu l-anzjani. Dan il-ftehim se jgħin lir-residenti jagħtu l-ewwel għajnuna lill-ġar jew lill-ġara.”
Dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni se jkunu miftuħa għall-pubbliku u anke għas-sidien tal-ħwienet fil-lokalitajiet u ser ikunu mingħajr ħlas.