Raġel mill-Maċedonja baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li aggredixxa u hedded li sieħba tiegħu.
Fost l-oħrajn huwa ġie akkużat li waddab żewġ briksiet lejn il-karozza tas-sieħba tiegħu, minħabba li rrifjutat li tmur tiekol miegħu.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif it-taqsima tal-vjolenza domestika rċeviet rapport nhar il-Ħadd li għadda mingħand is-sieħba tar-raġel.
Il-mara qalet li meta jixrob l-alkoħol, jew xi drabi jpejjep sustanzi illegali, ir-raġel isir aggressiv. Kompliet tgħid li l-abbuż mentali kif ukoll fiżiku kien ilu għaddej minn Awwissu.
Mal-Pulizija, s-sieħba spjegat li darba minnhom ġibidha minn xagħarha u ħariġha mid-dar. Darb’oħra kien taha bis-sieq u benġlilha għajnejha. Qalet li ma’ dawn ma kienx jonqos t-theddid fuq ħajjitha kemm b’mod verbali kif ukoll b’messaġġi fuq il-midja soċjali.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti.