Fl-għalqa fejn instab il-katavru ta’ Sion Grech ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza jew kommossjoni u li dan jista’ jindika li ma nqatlitx fl-għalqa.
Qal dan it-tabib u espert forensiku Dr Mario Scerri, hekk kif matul il-jum tat-Tlieta kompla l-ġuri taż-żewġt irġiel li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Sion Grech, ta’ 20 sena, mis-Siġġiewi f’Marzu tal-2005.
Fix-xhieda tiegħu, l-espert forensiku qara r-rapport li kien ħejja dwar il-każ. Huwa spjega li kien mar fuq il-post fis-6.30 p.m. tat-13 t’April 2005, meta nstab katavru f’għalqa fil-Marsa u rriżulta li kien ta’ Sion Grech. Dr Scerri qal li l-katavru kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, b’idejha tal-lemin fuq wiċċha u s-swaba’ tal-lemin magħluqin. Fuq il-wiċċ kien hemm ħafna feriti suspettużi, li skont Dr Scerri kienu sinjali ta’ vjolenza. Huwa qal li l-katavru kellu ħafna ġrieħi għax il-vittma kienet qed tipprova tiddefendi lilha nnifisha. L-awtopsja ddeterminat li Sion kienet konxja li kienet qed tiġi aggredita.
Dr Scerri kompla jgħid li Sion kellha qatgħa fonda fil-parti privata, kompatibbli ma’ strument bil-ponta u li jaqta’.
It-tabib Scerri spjega li meta kien eżamina lil Ismael Habesh fuq l-għajbien ta’ Sion Grech, huwa kien sablu numru ta’ qatgħat fuq idejh, li setgħu saru xi jiem qabel u li kienu ġrieħi magħmula minn persuna.
Meta kien qed iwieġeb domandi dwar l-għalqa li fiha nstabet Sion, Dr Scerri qal li ma sabx għadajjar tad-demm, għalhekk hu probabbli li l-vittma ġiet imsawwta u nqatlet x’imkien ieħor, u wara nġarret fl-għalqa fil-Marsa.
Fis-seduta tat-Tlieta nqrat ukoll ix-xhieda ta’ Dr Mark Rosso, tabib li llum huwa mejjet u li kien sab l-katavru ta’ Sion Grech. Fix-xhieda tiegħu qal li huwa kien eżamina lil Ismael Habesh li kellu qtugħ superfiċjali f’idu x-xellugija u fil-pala ta’ jdejh, li saru madwar jumejn jew tlieta qabel. Kellu wkoll żewġ marki fuq il-polz tax-xellug, u swaba’ maħmuġin biż-żejt. Barra minn hekk, kellu marki li jindikaw li kien jabbuża mid-droga. Dak iż-żmien, meta Dr Rosso kien mistoqsi jindentfika lil Habesh fl-awla, ma għarfux u spjega li kien jara wisq nies u ma jiftakarx.
Meta l-Avukat tad-difiża Edward Gatt indirizza lill-ġurati, qal li hemm bżonn li jwarrbu l-preġudizzji. Irrefera għal dak li ntqal minn xhieda llum fil-Qorti, li aktarx li Sion Grech ma nqatilx fl-għalqa fil-Marsa, imma l-katavru tagħha ttieħed hemm.
Fl-indirizz tiegħu, Gatt qal li huwa diffiċli temmen xhieda bħal ta Jacqueline Rapinett, li xehdet li rat lill-akkużati joqtlu lil Sion fil-5 ta’April tal-2005.
Hu saħaq li x-xhieda ta’ Rapinett hija mimlija kontradizzjonijiet u staqsa kif rat lill-akkużati jerfgħu lill-vittma imma ma tiftakarx liema akkużat refa’ l-katavru minn saqajh u minn idejh.
Indirizza lil ġurija wkoll l-Avukat Simon Micallef Stafrace li kompla ma dak li qal l-Avukat Edward Gatt fejn stqarr li l-akkużi qed jistrieħu fuq dak li xehdet Jacquline Rapinett. Micallef Stafrace qal li jekk dak li qed tgħid Rapinett mhux minnhu mela l-ġurija ma tistax issib lill-akkużati ħatja.
L-Avukat Micallef Stafrace qal li l-fatti kollha jagħtu direzzjoni waħda dik tal-innoċenza ta’ Faical. Huwa qal li Faical huwa kompletament nieqes minn kull prova li nġiebet quddiem il-ġurija. L-avukat żied jgħid li l-akkużat qiegħed hawn minħabba dak li qalet Rapinett.
Il-ġuri se jkompli l-Erbgħa bl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jagħmel ir-replika tiegħu.
Il-ġuri huwa ppresedut mill-Imħallef Aaron Bugeja u d-difiża hija mmexxija mill-Avukati Edward Gatt u Ismael Psaila għan-nom ta’ Habesh u l-Avukati Simon Micallef Stafrace f’isem Faical.