Il-ko-pilota tat-titjira li ġġarrfet fin-Nepal nhar il-Ħadd li għadda tilfet lil żewġha meta ġġarraf ajruplan ieħor, 16-il sena qabel.
Anju Khatiwada kienet qed tikkopilota t-titjira 691 tal-Yeti Airlines meta din iġġarrfet qrib il-belt turistika ta’ Pokhara, b’konsewgenza li dawk kollha abbord mietu. Dan hu meqjus bħala l-agħar diżastru tal-ajru tal-pajjiż f’dawn l-aħħar 30 sena.
Żewġha Dipak Pokhrel kien ukoll qed jikkopilota titjira tal-Yeti Airlines meta miet – u kienet il-mewt tiegħu li serva ta’ ispirazzjoni biex Anju tkompli karriera fl-avjazzjoni.
Imnikkta bit-telfa tagħha, waħedha mat-tifel żgħir tagħhom, in-niket ta’ Anju sar dak li mmotivaha, u li wassalha għall-istess tmiem.
Għadu mhux ċar x’wassal għall-inċident ta’ nhar il-Ħadd.
Barra l-isptar f’Pokhara, il-familji ta’ dawk li nqatlu qed jistennew li l-katavri tal-qraba tagħhom jinħelsu, wara li jkunu tlestew il-post mortems fuqhom.