Il-Kap Eżekuttiv u l-amministrazzjoni tal-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul ippreċiżaw li, kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat f’sezzjoni tal-midja, l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, fl-ebda ħin ma rtirat id-direttiva li ħarġet f’Awwissu li għadda. B’dik id-direttiva, l-unjin kienet waqqfet id-dħul ta’ pazjenti anzjani f’San Vinċenz de Paul u djar ta’ kura residenzjali tal-Gvern.
Fil-fatt, din id-direttiva ġiet annullata b’deċiżjoni tal-Qorti fis-7 ta Diċembru li għadda.
Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv u l-amministrazzjoni tal-faċilità ta’ San Vinċenz de Paul spjegaw li hija proċedura legali normali li, meta joħroġ mandat bħal dan, jiġi minnufih segwit b’kawża fil-Qorti. Din mhix azzjoni legali ġdida min-naħa tal-awtoritajiet.
L-istqarrija żiedet li ta’ min jgħid li, fid-9 ta’ Dicembru, ċjoe jumejn biss wara li ngħatat d-deċiżjoni mill-Qorti, il-unjin imponiet għaxar direttivi ġodda. Disgħa minn dawn id-direttivi qed jerġgħu jimminaw l-istandards ta’ kura tal-anzjani.
Dan l-unjin għamlitu minkejja l-fatt li l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul għadha kif ingaġġat 77 infermier ġdid.
Iżjed minn hekk, waqt laqgħa kordjali, l-amministrazzjoni infurmat lill-istess unjin li lesta tikkunsidra diversi proposti tagħha.