F’Ruma tħabbret il-mewt tal-attriċi, fotoġurnalista, u sex symbol famuża Taljana Gina Lollobrigida, fl-għomor ta’ 95 sena.
Fl-aqwa tal-karriera tagħha, fis-snin 50 u 60, Lollobrigida kienet imlaqqma “l-isbaħ mara tad-dinja” u kienet ħadet sehem f’għadd kbir ta’ films Ewropej u Amerikani.
Gina Lollobrigida twieldet fl-1927 f’villaġġ ftit ’il barra minn Ruma. Fiż-żgħożija tagħha, immudellat u ħadet sehem f’kompetizzjonijiet tas-sbuħija, u fl-1947 ġiet it-tielet fil-Miss Italia.
Wara għadd ta’ partijiet f’films Ewropej, fosthom il-magħruf ‘Bread, Love, and Dreams’, kien is-sehem li kellha fil-film tal-1953 ‘Beat the Devil’, li fih ħadmet ma’ Humphrey Bogart, li għamilha verament famuża madwar id-dinja kollha.
Fost il-films li tibqa’ l-aktar magħrufa għalihom hemm ukoll ‘Solomon and Sheba’ u ‘Buona Sera, Mrs Campbell’.