Twaqqfet l-Aġenzija Project Green, li se tkun responsabbli sabiex, fis-seba’ snin li ġejjin, b’allokazzjoni ta’ €700 miljun, jiġu implimentati bosta proġetti ambjentali madwar Malta u Għawdex.
L-Aġenzija se tkun qed titmexxa minn Steve Ellul, li se jassumi l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv.
L-Aġenzija Project Green, li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, kienet wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, u tħabbret bħala miżura fid-diskors tal-Budget għall-2023. B’hekk, il-Gvern qed jibqa’ jżomm kelmtu mal-familji Għawdxin u Maltin.
Dan l-investiment qed jitqies bħala l-akbar proġett ambjentali li qatt ra pajjiżna u, fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela fil-kampanja elettorali kien ħabbar li Gvern ġdid immexxi minnu kien se jkun qed iwettaq l-aktar proġett ambjentali ambizzjuż fl-istorja ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-foss tal-Imdina, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li l-Gvern mill-ewwel beda joħloq spazji miftuħa ġodda, filwaqt li rranġa u tejjeb spazji oħra miftuħa sabiex jitgawdew mill-familji.
Dawn il-proġetti se jwasslu biex it-tfal, il-familji, l-anzjani, u l-komunitajiet kollha tagħna jgħixu f’ambjent aħjar. Fil-fatt, se ssir ħidma sabiex kull familja jkollha aċċess faċli għal post miftuħ fejn tirrilassa, mingħajr il-bżonn li tuża l-karozza.
“Permezz ta’ din l-Aġenzija rridu nkomplu nibnu fuq dak kollu li għamilna, b’mod partikolari fl-aħħar xhur, biex lill-familji tagħna nagħtuhom spazju sabiħ, spazju aħdar, fejn jistgħu jirrikreaw irwieħhom. L-għan tagħna huwa li nkunu wasalna f’punt fejn, jekk jista’ jkun, persuna ma tkunx bogħod minn ġnien tant li jkollha taqbad karozza, biex familja, żagħżugħ, anzjan ikun jista’ jkollu opportunità jgawdi fl-ispazju ta’ rilassament fl-ispazji miftuħa li se nkunu qed nagħmlu.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Dalli qalet li s-sostenibbiltà se tkun prinċipju ewlieni għal din l-aġenzija, sabiex il-ħidma ambjentali tkun waħda sostenibbli u kull proġett iseddaq il-wirt naturali ta’ pajjiżna u anke jsaħħaħ il-bijodiversità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, qal li l-ħidma ta’ Project Green tinkludi investiment f’aktar parks pubbliċi, I-akbar proġett ta’ tħaddir urban li qatt ra pajjiżna, żoni pedonali f’kull lokal, mini għat-traffiku fejn possibbli, spazji ħodor miftuħa qrib kulħadd, u iktar parkeġġi taħt l-art bil-ħolqien ta’ ġonna fuqhom.
Huwa saħaq li l-aġenzija se tintervjeni bis-sħiħ sabiex tipprovdi pulmun ġdid f’kull lokalità u li kull proġett aħdar se jsir b’konsultazzjoni mal-komunità, inkluż il-Kunsilli Lokali.
“Project Green se tkun qed tara li nagħtu lin-nies dak li n-nies iridu – aktar spazji miftuħa, aktar spazji lill-komunitajiet tagħna. Se jkunu qed jitwettqu diversi proġetti, diversi kategoriji ta’ proġetti, dawk kbar ġewwa l-komunitajiet tagħna għal proġetti li huma forsi daqxejn iżgħar imma li rridu nagħtuhom lin-nies propju fit-tnax-il xahar li ġejjin. Għaldaqstant, se jkun hemm ukoll attività ta’ konsultazzjoni mal-kunsilli lokali tagħna, mar-reġjuni tagħna, u għaqdiet fil-komunità u NGOs.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul
Huwa elenka numru ta’ proġetti, deskritti bħala “għan-nies”, li qed isiru bħalissa jew dawk li se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej.
“Hemm proġetti differenti, minn Marsaskala għal San Ġwann, mir-Rabat għal Ħal Safi, ix-Xewkija, Għawdex – għandna numru ta’ proġetti li bħalissa qed naħdmu fuqhom b’mod attiv, anke bis-saħħa tal-kunsilli lokali u Reġjuni, b’mod partikolari n-naħa t’isfel tal-pajjiż, fosthom Birżebbuġa u l-Kottonera.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul
Fil-konferenza tal-aħbarijiet Steve Ellul għamel referenza b’mod partikolari għall-proġett biex Vjal Riħan f’San Ġwann jinbidel fi spazju miftuħ ta’ 6,500 metru kwadru. Proġett massiċċ ieħor huwa dak li se jara ġnien ġdid ħdejn l-Università Amerikana f’Bormla, b’parkeġġ li jesa’ 180 vettura taħtu.
Ellul semma wkoll kif Project Green se tniedi struttura sabiex anki s-settur privat jinvesti fi proġetti ħodor. Hawnhekk, ħabbar li l-aġenzija se ssib post sabiex jitħawlu 7,500 siġra u arbuxell fit-tnax-il xahar li ġejjin. Dawn se jkunu ffinanzjati mill-privatu se jfissru afforestazzjoni li se tkopri daqs ta’ ftit aktar minn 9 grawnds tal-futbol.