Wara ftehim li sar bejn WasteServ u l-Aġenzija Maltija għall-Ikel, skart agrikolu bħal fdalijiet tal-ħaxix u frott u friegħi tas-siġar se jkun qed jiġi pproċessat mill-WasteServ sabiex jinbidel f’kompost ta’ kwalità, għall-użu tal-bdiewa fl-għelieqi tagħhom.
Dan permezz ta’ composter apposta fejn skart agrikolu mingħand il-bdiewa u mill-Pitkalija se jkun qed jiġi pproċessat. Dan il-makkinarju b’kapaċità ta’ 15-il tunnellata se jkun qed jipproduċi madwar tmien tunnellati ta’ kompost f’kull ċiklu, li jieħu madwar ġimagħtejn.
Dan tħabbar mill-Ministri Miriam Dalli u Anton Refalo, waqt żjara li għamlu fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff f’Ta’ Qali.
Huma kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella.
Permezz ta’ dan il-makkinarju issa, ir-riżorsa tal-iskart mibdula f’kompost ta’ kwalità se tkun qed terġa’ lura għand il-bdiewa, bl-Aġenzija Maltija għall-Ikel se tkun qed tqassam dan il-kompost lill-bdiewa mill-Pitkalija mingħajr ħlas.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli f’kumment lil midja sostniet kif dan huwa mod tanġibbli ta’ kif l-ekonomija ċirkulari tista’ tiġi applikata f’setturi differenti.
Qalet, “Il-pjan tagħna huwa li nkunu qed nipproċessaw mas-70,000 tunnellata ta’ skart organiku. Ifisser però li kull wieħed u waħda minnha jridu jagħmlu l-parti tagħhom għaliex sfortunatament sal-lum għandna 40% fil-mija tal-iskart organiku li qed jispiċċa fil-borża s-sewda u rridu naċċertaw ruħna li dak l-iskart nisseparawh għaliex l-iskart organiku huwa riżorsa li tista’ tinbidel sew enerġija u anke f’kompost.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nnota kif dan il-ftehim huwa kruċjali ferm għaż-żamma tar-raba’ u l-kultivazzjoni ta’ ħxejjex u frott.
Stqarr, “Inti għandek l-organic waste li ser jiġi pproċessat u jsir kompost għal bdiewa tagħna turi kemm dan il-Gvern għandu għal qalbu l-bdiewa tagħna sabiex b’hekk wara li jiġi pproċessat u trasformat aħna nkunu nistgħu ntuh lil bdiewa tagħna biex jużawh fl-għelieqi tagħhom.”