F’għeluq it-tliet snin anniversarju minn meta Robert Abela inħatar Mexxej tal-Partit Laburista u sussegwentement Prim Ministru ta’ Malta, kienu diversi persuni li kellhom opinjoni pożittiva dwar it-tmexxija tiegħu.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ persuni li ġejjin minn oqsma differenti tas-soċjetà li analizzaw ir-riżultati tat-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Professur dwar l-istudji governattivi u politiċi, Godfrey Pirotta, elenka l-kuntest li Dr Abela ħa t-tmun ta’ pajjiżna fih; dak li fl-ewwel ġimgħat ra l-akbar sfida internazzjonali sa mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, dik tal-pandemija, u aktar tard il-gwerra fl-Ukrajna.
Pirotta nnota kif minkejja dak kollu li affaċċjat u għadha qed taffaċċja d-dinja kollha, pajjiżna baqa’ jgawdi minn stabbiltà.
Huwa qal, “It-test ta’ Robert Abela huwa; X’għamel f’dan il-kuntest? F’dan il-kuntest nafu għax inħossuha b’idejna li żamm l-ekonomija għaddejja, żamm in-nies bl-livell ta’ għejxien tajjeb u dan huwa importanti.”
Ta’ fehma simili kien id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, l-Maniġment u l-Accountancy, il-Professur Philip von Brockdorff.
Von Brockdorff stqarr kif lil hinn mill-istabbiltà ekonomika, għalkemm importanti ferm, pajjiżna gawda wkoll minn stabbiltà soċjali. Dan f’kuntest li l-pandemija tal-COVID-19, ġabet pressjonijiet kbar fuq il-mod ta’ kif is-soċjetà tiffunzjona.
Huwa stqarr, “L-isfida tal-pandemija ovvjament seta’ kellha konsegwenzi koroh fuq pajjiżna mhux biss ekonomiċi imma kif ukoll soċjali. Dak ovvjament ġie afforontat permezz ta’ deċiżjonijiet illi jissarrfu imbagħad f’miżuri konkreti. Irrid ngħid ukoll li bħala Prim Ministru naħseb sema’ ħafna mill-pariri li tawh il-partijiet soċjali.”
Il-Professur von Brockdorff, innota wkoll kif dan kollu wassal biex ittieħdu deċiżjonijiet importanti, li ssarrfu f’miżuri f’waqthom u li kienu mill-aktar effettivi wara li kienu xprunati mill-opinjoni tal-imsieħba soċjali.
Lil hinn mill-isfidi internazzjonali, pajjiżna implimenta riformi importanti ferm biex indirizza sfidi oħrajn fosthom, marbuta mal-governanza tajba.
L-opinjonista politiku Joseph Herbert, tkellem dwar dan fejn ma naqasx milli jinnota, l-mod ta’ kif pajjiżna ħareġ mil-lista l-griża tal-FATF f’qasir żmien. Dan b’riżultat tal-implimentazzjoni effettiva ta’ diversi riformi fil-liġijiet finanzjarji ta’ pajjiżna.
Herbert innota, “Bis-saħħa ta’ dawn ir-riformi, l-ewwelnett ħriġna mill-lista l-griża tal-FATF, kif semmejna fi żmien veru qasir meta kkumaparat ma’ pajjiżi oħra li kienu fl-istess sitwazzjoni.”
Din il-ħidma ma waqfitx hawn hekk kif f’aspetti oħra tal-politika lokali, il-Gvern immexxi minn Robert Abela kompla jindirizza aspetti differenti filwaqt li jħares ‘l quddiem.
Is-settur ambjentali huwa xhieda ta’ dan, b’investiment massiċċ propost fil-kampanja ‘Malta Flimkien’, ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin favur aktar investiment fi spazji ħodor madwar pajjiżna.
Dwar dan ix-xjentista li tispeċjalizza fil-qasam ambjentali, Bernice Farrugia, irrimarkat kif din il-ħidma qed tissarraf f’għexieren ta’ spazji ħodor li qegħdin jinbtu fil-qalba tal-ibliet u l-irħula madwar pajjiżna.
Hija qalet, “Iġifieri qed naraw spazji ħodor illi qed jingħataw lill-familji mhux biss għar-rikreazzjoni imma anki biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Fuq kollox qegħdin naraw il-ħidma ta’ dan il-Gvern illi qed jara bl-aktar mod sostenibbli illi jifrex proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħna.”
Fuq aspett personali, l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, li ħadem ukoll qrib tal-Prim Ministru Abela fil-Grupp Parlamentari Laburista tkellem dwar il-karatteristiċi umani ta’ Dr Abela fit-tmexxija tiegħu.
Scicluna stqarr, “Il-Prim Ministru dejjem ikun hemmhekk biex jisimgħek u biex janalizza dak li tkun qed tgħidlu jiġifieri mhux xi ħaġa li tgħidlu xi ħaġa u jibqa’ għaddej imma fil-veru sens tal-kelma jisimgħek, xi ħaġa minn din il-ħaġa, ħarġu anki numru ta’ inizjattivi.”
Scicluna jkompli jgħid kif din l-attitudni li tirrifletti r-ruħ soċjali tal-Gvern wasslet biex għal sena wara sena ngħataw żidiet fil-pensjonijiet, ġew indirizzati l-ġustizzji tal-passat u ħafna aktar miżuri soċjali li jpoġġu lil Maltin u l-Għawdxin u l-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern.