Waqt l-attivitá politika tal-Partit Laburista nhar il-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-emenda quddiem il-Parlament tħares lill-ommijiet filwaqt li toffri s-serħan legali għall-professjonisti.
Dr Abela qal dan hekk kif dan is-suġġett tqajjem tul id-diskussjoni politika wara li Salvu Borg rrakkonta l-esperjenza kiefra li għaddew minnha hu u martu waqt li hija kienet tqila.
Realtá, ma setgħu jagħmlu xejn dwarha.
“Dil-emenda, saret, u naf x’iġifieri għax għaddiet minn trawma minnha l-familja tiegħi, li kienet bil-fetu mejjet għal ħames ġimgħat sħaħ, nistaqsu lill-professur x’jista’ jsir u jgħidli “Għandi idejja marbuta, ma nista’ nagħmel xejn.” Ħames ġimgħat martirju, qtugħ il-qalb, jekk hux se nsib lill-mara tiegħi mejta l-isptar jew le.”
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif każijiet bħal ta’ Salvu jiġru iktar spiss minn kemm wieħed jaħseb.
Għalhekk, filwaqt li tkellem kontra kull tip ta’ tbeżżigħ b’misinformazzjoni u gideb, il-Prim Ministru reġa’ fakkar kif id-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra l-abort se jibqgħu hemm.
“L-ewwel punt, li m’għandix dubju ftit il-bogħod minna bħalissa għandek min qed jipprova jgħid bil-kontra, huwa li m’aħniex se nkunu qed indaħħlu l-abbort. Dwar dik nixtieq nerġa nkun ċar ħafna. Bl-emenda li se nkunu qed nagħmlu, m’aħniex se ndaħħlu l-abort ġewwa pajjiżna. U tant hu hekk, li d-dispożizzjonijiet kollha fil-liġi tagħna li tkellmu kontra l-abort, kienu hemm u se jibqgħu hemm. Li qed nitkellmu hawn, huwa dwar żewġ ċirkostanzi mediċi, u dwar żewġ ċirkostanzi mediċi biss.”
Il-Prim Ministru qal li għall-kontra ta’ dak li qed jipprova jagħmel il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern kien ċar ħafna fil-kliem li għażel għal din l-emenda, u appella sabiex wieħed jitkellem b’mod oġġettiv dwar dan is-suġġett tant sensittiv.
Hawn, reġa’ stqarr ukoll li kull meta l-fetu huwa vijabbli dan irid jitwelled u l-emenda propju se tkun qed tirrifletti dan il-prinċipju.
“Għedtha fil-Parlament, li kull meta l-fetu huwa vijabbli jrid jitwelled, u għedtha fil-Parlament bi skop għaliex dak li jingħad fil-Parlament huwa sors ta’ interpretazzjoni tal-liġi tagħna, baqgħu idaħħlu l-misinformazzjoni, u għalhekk illum inweġibhom li meta għandek tarbija li hija vijabbli u trid titwelled, mhux biss issa ngħiduh fid-dibattiti, imma se nkunu qed indaħħluh fil-liġi wkoll.”
Dr Abela stqarr ukoll li l-Gvern huwa lest li sabiex jiġi eliminat kull dubju dwar l-abbuż minn din il-liġi, idaħħal strutturi sabiex jiżguraw li l-abbużi f’dan ir-rigward ma jseħħux.
Filwaqt li fakkar kif b’mod simili, l-Oppożizzjoni kienet pruvat tbeżża’ lill-poplu b’mod sfaċċat anke dwar l-emenda fil-liġi tal-IVF, il-Prim Ministru għamilha ċara li l-Gvern jinteressah biss mill-ħarsien tal-ħajja.
“Il-prinċipju ta’ ħarsien ta’ ħajjet l-omm u ta’ saħħet l-omm se jibqgħu hemm, se nintroduċu dak kollu meħtieġ biex nilqgħu għal kwalunkwe abbuż, iżda l-prinċipju tal-ħarsien tal-mara huwa wieħed sagrosant u se nissalvagwardjawh.”