Sirjan ta’ 47 sena li joqgħod il-Marsa nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika.
Huwa wieġeb mhux ħati għal-akkużi miġjuba kontrih; fosthom li uża vjolenza morali u psikoloġika fuq martu, li hija wkoll omm tat-tliet uliedu, kif ukoll biża’ li tintuża vjolenza fuqha fost oħrajn.
L-Avukat difensur, Vincienne Vella talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda, il-Prosekuzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef oġġezzjonat minħabba n-natura tal-każ u l-biża’ ta’ intralċ tal-provi. Madanakollu, qalet li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, għandha tingħata protezzjoni lill-allegat vittma.
Id-Difiża argumentat li l-imputat, li t-tliet uliedu huma dipendenti fuqu u li l-allegat vittma telqet mir-residenza fejn jgħixu.
Il-Qorti, ipperseduta mill-Maġistrat Caroline Frendo Dimech, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi.