“Aħna noffru d-direzzjoni u t-tmexxija imma flimkien biss nistgħu nieħdu l-pajjiż ’il quddiem.”
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela waqt diskussjoni politika fil-Belt Valletta, bit-tema, ‘Robert Abela, Qalb in-Nies’.
Hekk kif kien qed iwieġeb għall-interventi mill-pubbliku preżenti għal din id-diskussjoni politika, il-Prim Ministru Robert Abela emfasizza kif quddiem l-isfidi li jeżistu u li jistgħu jiżviluppaw minn żmien għal żmien, il-poplu se jibqa’ jsib lil Gvern spalla ma’ spalla miegħu.
Hawn il-Prim Ministru rrimarka d-differenza fir-reazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista għal sfidi ekonomiċi, fejn qal li f’dak iż-żmien il-piż waqa’ fuq in-negozji u l-konsumaturi.
Minflok, Robert Abela stqarr li bil-fatti u mhux bil-kliem, il-Gvern refa’ l-piż hu, kemm fil-pandemija u anke issa kawża tal-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
“Dik ma tgħidhiex bil-kelma, dak il-prinċipju li tkun spalla man-nies. Tgħidu fil-mument tal-prova, u għiduli qatt setax ikollna mumenti ta’ prova iktar diffiċli minn dawk li kellna f’Marzu tal-2020 u Frar tal-2022, qatt setax ikollna mumenti ikbar ta’ prova.” 21
Fil-fatt, fl-ewwel intervent li kellu, il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ta’ ċertu prodotti. Huwa fakkar kif l-isfidi internazzjonali li wasslu għal dawn iż-żidiet huma sinifikanti, iżda bi spirtu soċjalist, il-Gvern daħal bl-interventi tiegħu sabiex ikun ta’ spalla għall-Maltin u Għawdxin f’kull faxxa tas-soċjetá.
Fost l-oħrajn, semma l-għajnuna tal-Gvern bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija, fjuwils u ċereali, u anke l-mekkaniżmu ġdid tal-COLA, li jqis lil dawk l-aktar vulnerabbli u li gawdew minnu aktar minn 40,000 persuna.
Il-Prim Ministru nnota wkoll li minkejja dawn l-għajnuniet, hawn realtajiet ta’ negozji li xorta waħda jgħollu l-prezzijiet, u għalhekk appella lin-negozji sabiex jaħdmu b’mod sostenibbli filwaqt li jħarsu l-kompetittivitá u jibżgħu għall-konsumaturi tagħhom.
Intant, il-Prim Ministru stqarr li huwa jħares ‘il quddiem għal sena oħra ta’ ħidma fejn il-Gvern se jkun qed jara li jimplimenta l-manifesta elettorali tiegħu, kif ukoll il-Budget imħabbar għal din is-sena.
Hawn Dr Abela għamel aċċenn għaż-żidiet fil-pensjonijiet li diġà rċivew il-pensjonanti fil-bidu tas-sena.
“Huwa għalhekk li tlaqna din is-sena fejn, kif għedt tajjeb inti Joe, esperjenzaw il-pensjonanti tagħna, żieda, titjib fil-pensjonijiet li minnhom ibbenefikaw aktar minn ħamsa u disgħin elf pensjonant, żieda fil-pensjoni tal-irtirar, titjib fil-pensjoni tar-romol, titjib fil-pensjonijiet oħra wkoll. Dik kienet wegħda li nidejna fil-manifest elettorali u li kburi li implimentajniha.”
B’reazzjoni għal intervent ieħor mill-pubbliku preżenti, il-Prim Ministru saħaq dwar id-diversi għajnuniet oħra li tħabbru fil-Budget, fosthom iż-żieda fiċ-Children’s Allowance u l-għotja ta’ għaxart elef ewro maqsuma fuq għaxar snin għal dawk li xtraw djarhom bejn Jannar tal-elfejn tnejn u għoxrin u Diċembru li ġej.
Dr Abela semma wkoll il-ħidma sfieqa tal-Gvern mal-persuni li jinsabu f’kirjiet ta’ qabel l-elf disgħa mija ħamsa u disgħin, u rrimarka kif b’differenza minn amministrazzjonijiet preċedent ili xeħtu din il-problema taħt it-tapit, Gvern Laburista indirizza din ir-realtá wkoll.
“U x’għidna? Għidna jew se nibqgħu nħallu din l-isfida taħt it-tapit, għax vera hija kbira l-isfida ta’ qabel l-1995, biex tindirizzaha, jew naffrontawha. Affrontajniha, u llum nista’ ngħid li minn din ir-riforma gawdew mijiet ta’ persuni, mijiet ta’ inkwilini li tajnihom is-serħan il-moħħ ta’ protezzjoni ġewwa darhom, u għamilna ġustizzja mas-sidien ukoll, li rajna wkoll li ma jistax ikun ikollok proprjetá li tiswa mijiet ta’ eluf ta’ ewro u tagħha tirċievi mitejn ewro fis-sena biss bħala kera.” 37
Rigward il-ħidma tal-Gvern f’Għawdex, il-Prim Ministru saħaq li Għawdex kienet, għadha u se tibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern. Sostna, li xhieda ta’ dan kien l-impenn tal-Gvern lejn il-konnettivitá bejn il-gżejjer, fosthom bl-introduzzjoni tar-raba vapur tal-Gozo Channel, it-tieni fiber optic cable, u s-servizz tal-fast ferry, li se jkun qed jissaħħaħ fiż-żmien li ġej. Dan flimkien ma investiment miljunarju f’oqsma oħra differenti fosthom fil-produzzjoni tal-ilma, l-edukazzjoni u l-ambjent.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-poplu se jsib bibien miftuħa ma’ dan il-Gvern, kemm għan-nies u anke għan-negozji, hekk kif hija permezz ta’ ħidma bħal din, li pajjiżna jista’ jkompli jiġġenera l-ġid.
“Ekonomija b’saħħitha tfisser li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, nibqgħu wara n-nies u ngħinuhom b’saħħa kbira, għaliex għandna fiduċja fil-familji tagħna, għandna fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna, għandna fiduċja fin-negozji tagħna, fuq kollox, għandna fiduċja f’pajjiżna.”