Mara bl-isport għal qalbha u li mhux l-ewwel darba li ħadet sehem f’diversi maratoni li jiġu organizzati f’Malta. Iżda, l-attività sportiva kellha temmha ħesrem wara l-half marathon tal-2018.
Din hija l-istorja ta’ Jeanette Zammit.
“Jien kont vera f’qagħda kważi kritika, li ma tistax inti, lanqas stajt niġri għal tliet xhur, jiġifieri lanqas just normal lifestyle ma nistax nagħmel eżerċizzju ta’ xejn. Issa kull six months qed nagħmel Iċ-checkup biex nara li d-demm, il-ħadid fid-demm qiegħed livell tajjeb.”
Jeanette, għandha l-kundizzjoni Iron Deficiency Anemia, jiġifieri livell baxx tal-ħadid fid-demm. Din hija kundizzjoni li tolqot l-aktar lil nisa li għandhom ’il fuq minn 40 sena, b’mod speċjali nisa li jkunu attivi fiżikament.
Hija għamlet żewġ trattamenti l-isptar biex tejbet il-ħadid fid-demm. Darba, mill-ħafna drabi li kienet qed tirċievi l-ħadid, ħasbet f’dawk in-nies li jagħmlu ħafna aktar trattamenti kawża ta’ mard ieħor, u minn hemm ħasbet biex fil-mument li tkun tista’ terġa’ tibda tiprattika l-isport li tħobb, tagħmel maratona ta’ ġiri u tiġbor il-fondi; u fil-fatt, f’għeluq il-ħamsin sena tagħha, nhar id-29 ta’ Jannar se tkun qed tiġri 50 kilometru.
“Jien kelli l-aim li ntella’ xi fondi għal xi charity, local charity, għal xi ħadd fil-bżonn u kont se nagħmilha waħdi, issa spiċċajt hemm ħafna nies jistaqsuni jistgħux jiħru biċċa miegħi, mill-50km u għamilt ir-rotta, bħalissa qed nifinalizzaha.”
Iżda, l-istorja tagħha tkompli.
Sakemm qed tippjana l-maratona, in-neputija tagħha ta’ 15-il sena, li kienet qed tirkupra minn kundizzjoni rari fil-musrana u li għall-kura għaliha kellha titla’ ħames xhur Ruma, ftit qabel l-ewwel tas-sena żvilluppawlha problemi fil-vista.
“Għamlu MRI u kellhom isifruha l-Ingilterra, Londra. Għamlulha operation ta’ six hours fejn neħħewlha aggressive tumor mill-brain u issa qed tagħmel aktar testijiet bħalissa biex jaraw xi trattament għandha bżonn.”
Il-pjan ta’ Jeanette issa huwa biex tiġbor fondi għall-familja ta’ Ena Marie, li bħalissa jinsabu Londra jakkumpanjaw liż-żagħżugħa, u li għandhom minn tal-inqas sitt xhur jgħixu qrib l-isptar Great Ormond.
“Il-Maltese NGOs għandhom, kif nafu, residenzi għal nies u l-familji, però huma ’l bogħod minn fejn qiegħda Ena, allura riedu jsibu post aktar qrib biex ikunu viċin tagħha.”
Għalhekk, bħalissa qed jinġabru fondi għal Ena Marie, iż-żgħażugħa mimlija kuraġġ biex tiġġieled sfida oħra f’inqas minn sena, fuq is-sit gogetfunding.com