Malta ntagħżlet bħala l-post ewlieni għall-manifattura, l-iżvilupp u d-distribuzzjoni dinjija ta’ sistemi ta’ stħarriġ idrografiku.
Fil-fatt, R3Vox Ltd, li se tiftaħ il-bibien tagħha fl-Imrieħel, topera b’tagħmir u faċilitajiet state-of-the-art biex toħloq sistemi ta’ stħarriġ idrospazjali b’aspetti avvanzati ħafna.
Is-sistemi idrospazjali jistħarrġu u janalizzaw taħt l-ibħra u xmajjar fost oħrajn.
Fil-fatt, il-prodott li qed jiġi żviluppat minn R3Vox jista’ jintuża għat-tħammil, ħitan tal-moll u strutturi vertikali, għall-użu f’marine construction kif ukoll offshore windfarms u r-riċerka.
Dan ġie spjegat waqt żjara mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli fil-faċilitajiet, li kienet akkumpanjata mill-fundatur Jens R Steenstrup, id-Direttur Maniġerjali Ruben Cuschieri u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.
Il-fundatur tal-kumpanija sostna l-punti attraenti ta’ pajjiżna li wasslu sabiex tiġi stabbilita din il-kumpanija f’Malta.
Qal, “There is a great workforce here we can tap into, very supportive Government for getting all these initiatives going and also the waters around Malta are perfect for us in terms of testing equipment and bringing people in.”
Hekk kif iltaqgħet mal-membri tat-tim, magħmul minn inġiniera, speċjalisti fl-assigurazzjoni tal-kwalità u tekniċi, il-Ministru Miriam Dalli rrimarkat li din il-kumpanija hija eżempju ewlieni ta’ innovazzjoni fl-ekonomija l-blu li tħaddan l-innovazzjoni b’viżjoni li tħares ’il quddiem, u toħloq karrieri ta’ kwalità.
Qalet, “B’investiment ta’ €4 miljun qed naraw li resqet lejn pajjiżna, kumpanija internazzjonali li qiegħda tipproduċi soluzzjonijiet li jistgħu jinfirxu mad-dinja kollha.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, sostna li l-ekonomija l-blu hija kontributur importanti għall-ekonomija lokali, hekk kif il-Malta Enterprise qed tkompli ssostni diversi investimenti li jagħtu valur miżjud lil dan is-settur b’saħħtu u jsaħħu l-potenzjal tas-settur.
Fil-fatt, l-aħħar statistika turi li s-settur marittimu jammonta sa 14% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta, inkluż aktar minn 22,000 post tax-xogħol, f’impjieg dirett u indirett.
Farrugia temm jgħid li dan il-proġett iservi bħala tfakkira tal-irkupru ekonomiku qawwi li esperjenzat Malta u x-xogħol li sar biex il-kumpaniji jibqgħu jiġu attirati lejn Malta anke matul il-pandemija.