Intemmet formalment l-ewwel fażi tal-proġett estensiv li qed isir fil-kumpless Sportiv tal-Kulleġġ San Alwiġi.
L-ewwel fażi tal-proġett kienet tikkonsisti fir-rinovament totali tal-Padiljun Sportiv li oriġinarjament kien inbena 25 sena ilu. Din il-fażi kienet tinkludi wkoll it-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-ispectators stand u il-bini ta’ faċilitajiet sanitarji, showers u changing rooms ġodda. F’din il-fażi nbnew ukoll faċilitajiet ġodda għall-għalliema tal-edukazzjoni fiżika u l-istudenti tal-Kulleġġ San Alwiġi kif ukoll faċilitajiet ġodda għat-tagħlim taż-żfin wara l-ħin tal-iskola.
Waqt ċerimonja qasira li saret fil-Padiljun, li għaliha attendew bosta studenti u għalliema tal-Kulleġġ San Alwiġi kif ukoll mistiedna oħra kemm mill-istess Kulleġġ u mill-Vassallo Group, saru diskorsi mir-Rettur Fr Jimmy Bartolo, fost oħrajn. Huwa semma kif minn dan il-proġett ambizzjuż se jkunu qed igawdu l-istudenti tal-Kulleġġ San Alwiġi, l-istudenti li eventalwent se jkunu qed jattendu fil-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, il-komunità u s-soċjetà ġenerali.
Fil-fażi li jmiss tal-proġett se jitlestew canteen u fitness centre ġodda. Dawn il-faċilitajiet ġodda mistenni jibdew jintużaw mit-tieni kwart tas-sena. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini tal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, kulleġġ indipendenti tal-isport għal madwar 390 student Maltin u internazzjonali, kumpless ta’ akkommodazzjoni on campus, sala għall-ġinnastika, ċentru għax-xjenza u r-riċerka sportiva, pixxina ta’ 25 metru kif ukoll ċentru għall-kura tat-tfal.