Karen Galea ġiet maħtura bħala Kmandant tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati u l-ewwel mara li se sservi fl-ogħla kariga f’wieħed mis-setturi tal-Korpi Dixxiplinati
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri nnomina lis-Sa Karen Galea bħala l-Kmandant il-ġdida tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati. Hi se tkun ukoll l-ewwel mara li se sservi fl-ogħla kariga f’wieħed mis-setturi tal-Korpi Dixxiplinati.
Karen Galea hi gradwata mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fil-Kummerċ, b’esperjenza twila fis-servizz pubbliku. Is-Sa Galea serviet għal 22 sena f’diversi rwoli ċivili tal-Korp tal-Pulizija, bl-aħħar kariga tagħha tkun dik ta’ Direttur tal-Amministrazzjoni u l-Finanzi tal-Korp tal-Pulizija.
Filwaqt li awguralha kull suċċess fil-kariga l-ġdida tagħha, l-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-Kmandant uxxenti, s-Joseph Cachia, għas-servizz siewi li hu ta lil pajjiżna.