Il-Ġimgħa filgħodu fil-kappella ta’ Bir Miftuħ, fil-Gudja, saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tar-Reġjun Kulturali għas-sena 2023, li din is-sena se jkun ir-Reġjun tan-Nofsinhar.
Permezz ta’ koperazzjoni bejn it-tnax-il lokalità fi ħdan ir-reġjun, se jsir programm kulturali li jiċċelebra l-wirt kulturali ta’ dawn il-lokalitajiet.
Dan ir-Reġjun ingħata kwart ta’ miljun ewro mid-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija, u Implimentazzjoni tal-Politika sabiex ikun jista’ jiffinanzja din is-Sena Kulturali, u r-reġjun Nofsinhar ikkontribwixxa wkoll ħamsa u għoxrin elf ewro għall-istess għan.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il- Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li flimkien nedew il-logo uffiċjali ta’ dan l-ewwel Reġjun Kulturali.
Il-Ministru Bonnici saħaq dwar l-importanza li l-Kunsilli Reġjonali jibqgħu jingħataw aktar responsabbiltajiet b’rabta mal-istrateġiji kulturali tagħhom.
Filwaqt li qal li l-programm li tnieda se jgħin fil-parteċipazzjoni ta’ bosta persuni li jipprattikaw fis-settur kulturali, stqarr li huwa jistenna’ wkoll li dan il-mod ta’ apprezzament lejn il-kultura ta’ kull reġjun jibqa’ jiġi segwit sena wara oħra.
“Aħna nemmnu ħafna f’dan il-mudell, li qed nużaw issa din is-sena għall-ewwel darba, u nħares ’il quddiem biex dan l-appuntament tal-Kunsill Reġjonali għall-Kultura, kull sena jerġa’ jkompli jikber, javvanza, u jimxi ’l quddiem.”
Intant, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li, permezz ta’ dan il-programm kulturali, kull lokalità fi ħdan dan ir-reġjun se jkollha opportunitá biex issaħħaħ l-identità tagħha.
Spjegat li, apparti minn hekk, l-identità kulturali tal-lokalitajiet twassal ukoll biex dawn jitgawdew aktar minn persuni li mhux neċessarjament joqogħdu fihom.
“L-idea kienet li tant għandna lokalitajiet li għandhom x’joffru fejn jidħol il-qasam kulturali, li aħna ħassejna li minflok tkun lokalitá waħda li toffri dan kollu lir-residenti, lill-poplu Malti u Għawdxi u t-turisti tagħna, ikun grupp ta’ lokalitajiet fi ħdan ir-reġjun.”
Il-President tar-Reġjun Nofsinhar, Jesmond Aquilina, qal li din is-sena se tinvolvi ħidma kollettiva sabiex il-kultura tat-tnax-il lokalità fi ħdan ir-reġjun tkompli tissaħħaħ u tiffjorixxi.
Huwa spjega ma’ dan l-istazzjon li dan il-mudell se jservi ta’ pjattaforma għal kull min huwa nvolut fis-settur kulturali f’dan ir-reġjun.
“Se jkun jikkonsisti f’numru ta’ attivitajiet, iktar minn tnax-il attività, jiġifieri waħda kull xahar u aktar, li fihom se nkunu qiegħdin, flimkien mal-kunsilli lokali ta’ dan ir-reġjun, nagħtu opportunitajiet lil diversi artisti, snajja’, u affarjiet oħra kulturali li għandna fir-Reġjun tagħna. Apparti dan, l-enfasi se tkun ukoll li nħallu legat b’dawn l-attivitajiet li nkunu qed norganizzaw.”