Missier ingħata l-kustodja ta’ ibnu u b’hekk dan se jkun jista’ jgħix ħajja normali, inkluż li jagħmel l-eżamijiet.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-kustodja li saret minn dan il-missier, wara li l-omm telqet mill-ħajja tal-familja. Kemm ir-raġel kif ukoll il-mara huma miċ-Chad u ġew Malta disa’ snin ilu. Flimkien, għandhom tliet ulied, ta’ 15, 13 u 8 snin.
Seba’ snin ilu, l-omm telqet minn Malta biż-żewġt itfal iż-żgħar, u l-missier ma jafx fejn huma sa llum. Huwa baqa’ f’pajjiżna mat-tifel il-kbir.
Quddiem l-Imħallef Anthony Vella huwa talab li jingħata l-jedd għall-kura u l-kustodja tat-tfajjel, li llum għandu 15. Fost l-oħrajn, it-tifel kellu bżonn japplika għall-eżamijiet tal-Livell Ordinarju.
L-avukat li tqabbad mill-Qorti biex jirrappreżenta lill-mara qal li ma jafx fejn qiegħda, u allura ma setax jagħmel kuntatt magħha.