Cospicua Rangers u Valletta Breakwater bdew bl-aħjar mod l-impenji tagħhom fil-kampjonat nazzjonali organizzat mill-Malta Blackball Federation meta rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom.
It-tim mill-Kottonera rebħu lil Qormi Pinto A 11-9 f’logħba ferm missielta b’Valletta Breakwater li rebħu 11-8 kontra Ħamrun 147 B.
Ħamrun 147 A kisbu l-ewwel rebħa staġjonali wara li għelbu lil Jojo’s Birżebbuġa 11-8.
Fil-kampjonat reġjonali, Birkirkara Youngsters u Mosta St Mary’s A jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika bi 18-il punt kull wieħed.
Il-Karkariżi wrew is-supermazija tagħhom fid-derby kontra Juve Birkikara A tant li rebħu 11-7 filwaqt li l-Mostin iddominaw il-konfront kontra Każin Pinto Qormi B 11-3.
Fit-tieni post tal-klassifika hemm Birkirkara Duke’s A li ġew fi dro ta’ 10-10 kontra San Ġwann Nick’s A b’Selmun Bar A li għelbu lil Birkirkara Boċċi 11-7.
Sadanittant Ħamrun 147 C kisbu tliet punti fuq San Ġwann White Hart u rebħulhom 11-3.
Fil-Community League, Valletta Fossa Boys u Juve Birkirkara B rebħu t-tieni logħba konsekuttiva u jinsabu jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika b’sitt punti. Iż-żewġ timijiet irreġistraw skor simili ta’ 11-3 kontra PL Balzan u Selmun Bar C rispettivament.
F’aktar logħbiet, Jojo’s Birżebbuġa B rebħu 11-8 kontra Birkirkara Duke’s B filwaqt li Domus Kids Żejtun iddominaw il-logħba kontra Mosta St Mary’s B tant li rebħulhom 11-3.