Kienu tliet snin ta’ sfidi kontinwi: mill-pandemija sal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ewropa u r-riperkussjonijiet li dawn ħallew u għadhom qed iħallu fuq l-ekonomiji tad-dinja.
Iżda Malta kellha fit-tmun tagħha mexxej li għaraf liema hi t-triq biex pajjiżna mhux talli ma jogħtorx taħt il-pressjoni, bħalma għamlu xi pajjiżi oħrajn, talli jkompli miexi ’l quddiem minkejja l-isfidi.
Dwar dan tkellmet ma’ One News il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard.
Qalet, “Minkejja dawn iċ-challenges bla preċedent li esperjenza pajjiżna, pajjiżna baqa’ miexi – grazzi għat-tmexxija ta’ Robert Abela – fid-direzzjoni t-tajba, b’ekonomija soda. Imma, aktar minn hekk, jiena ngħid, l-ekonomija soda servietna sabiex nuru kemm verament aħna gvern soċjalist li dejjem iwieżen liż-żgħir filwaqt li dejjem jipprova jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd fis-soċetà tagħna.”
Dr Attard irrimarkat li, minflok uża l-isfidi internazzjonali bħala skuza biex ma jwettaqx riformi, il-Gvern ta’ Robert Abela mexa bil-maqlub u r-riformi mhux talli komplihom, talli intensifikahom. Taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, twettqu riformi ambixxjużzi bħal dawk tal-IVF, li taw l–opportunità lil aktar nies isiru ġenituri. Qed titwettaq ir-riforma sabiex jiġu protetti l-ommijiet li jkollhom kumplikazzjoni fit-tqala li tpoġġilhom ħajjithom jew saħħithom f’periklu serju. Issuktaw ukoll ir-riformi fil-qasam tad-drittijiet ċivili, tal-ekonomija, u tal-ġustizzja, fost l-oħrajn.
Dan kollu, fi kliem Ramona Attard, huwa raġuni għaliex il-Maltin u l-Għawdxin għandhom għaliex jiċċelebraw.
Qalet, “L-appell tiegħi huwa: ejjew niċċelebraw flimkien dawn it-3 snin tat-tmexxija ta’ Robert Abela, iżda meta nkunu qed niċċelebraw 3 snin ta’ tmexxija ta’ Robert Abela nkunu qed niċċelebraw is-suċċessi kollha li esperjenza pajjiżna; is-suċċessi kollha wkoll li ġab il-Partit Laburista grazzi għat-tmexxija ta’ Robert Abela, fosthom ukoll ir-riżultat li kellna fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li kienet l-akbar rebħa f’elezzjoni ġenerali li qatt seħħet f’pajjiżna.”
Dr Attard saħqet li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd li ġej se tkun ukoll okkażjoni biex il-poplu jisma’ l-viżjoni li għandu Robert Abela għal pajjiżna għas-snin li ġejjin.
L-attività ta’ diskussjoni mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, bit-tema ‘Qalb in-Nies’, se tibda fl-10.30am fis-City Theatre, il-Belt Valletta.