Hekk qal l-eżorċist Dun John Vella meta dalgħodu kompla jinstema’ l-ġuri taż-żagħżugħ ta’ 22 sena li qed jiġi akkużat li, fost l-oħrajn, stupra lil omm l-eks tfajla tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu, l-eżorċista spjega li huwa ġie kkuntattjat minn omm it-tfajla tal-akkużat li qatlu li kellha kellha kuntatti sopranaturali u li kienet għamlet xi riti. Huwa qal li, meta mar iberkilha, sab ħerba sħiħa.
Huwa żied jgħid li, meta kien hemm, waqa’ arloġġ, iżda qal li fid-dar ma nnota xejn sopranaturali.
Xehdu wkoll diversi uffiċjali tal-Pulizija, fosthom is-Surġent Mario Farrugia, li spjega li lejn l-aħħar ta’ Jannar tal-2019, oħt l-eks tas-sieħba tal-akkużat u żewġ social workers għamlu rapport l-għassa ta’ Wied il-Għajn dwar theddid u abbuż fil-familja mill-għarus t’oħt l-akkużat.
Is-Surġent qal li t-theddid kien isir f’forom differenti. Fost l-oħrajn, allegatament, l-akkużat kien jitfi d-dwal, joqgħod isinn is-skieken u jhedded lil oħt l-eks sieħba tiegħu u jgħidilha li fadlilha ftit ħajja.
Is-Surġent Farrugia qal ukoll li huma rrapportaw ukoll l-abbuż sesswali li allegatament kien iseħħ. Qal ukoll li kien hu li arresta lill-akkużat.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-omm l-eks tfajla tal-akkużat kienet tkellmet ma’ kuntistabbli u qaltilha li kienet tisma’ lid-dimonju jkellimha u li kien jgħidilha li jrid jagħmlilha l-ħsara. L-omm kienet ikkonfermat mal-kuntistabbli li, fil-passat, kienet tuża affarijiet tal-okkult.
Fl-awla intwera wkoll filmat tal-istqarrija li ta l-akkużat lill-Pulizija, li fiha ċaħad li sawwat, hedded, u għajjar lil oħt l-eks tfajla tiegħu. Jgħid li. minflok, ġieli tatu daqqiet ta’ ponn u oħrajn f’wiċċu. Jiċħad ukoll li l-leħen tax-xitan kien tiegħu. Jgħid li l-leħen kien jisimgħu hu wkoll.
Fil-filmat, l-akkużat qal li huwa jiftakar li dan il-leħen beda jitkellem minn nhar Santa Marija. Jinstema’ jgħid ukoll li lil omm it-tfajla ġieli sabilha affarijiet tal-okkult, fosthom ouija board u pupa bi stilla. Jgħid ukoll li jiftakarha tixtri pupi sataniċi.