Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella nedew l-erbatax-il edizzjoni ta’ Festa Ċitru waqt attività mal-istudenti ta’ EkoSkola tal-kulleġġ De La Salle fil-masġar taċ-ċitru tal-Palazz ta’ Sant’Anton.
Festa Ċitru se ssir nhar il-Ħadd li ġej, 15 ta’ Jannar, f’The President’s Kitchen Garden f’Ħ’Attard mill-10am ‘il quddiem. Kif inhi t-tradizzjoni, matul l-avveniment se jinbiegħ larinġ, lumi, u frott ieħor taċ-ċitru maqtugħ mill-ġonna tal-Palazz. Sadanittant, bħalissa fil-Kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton qed jinħmew għadd ta’ kejkijiet u ħelu ieħor magħmul mil-larinġ biex jinbiegħ waqt din l-attività li l-qligħ minnha se jmur kollu għal The Malta Community Chest Fund.
Il-ġardinar tal-Palazz, Karmenu Muscat, qal li fil-masġar tal-Palazz ta’ Sant’Anton hemm mas-600 siġra taċ-ċitru, il-maġġoranza tagħhom larinġ. Spjega x’tinvolvi l-ħidma biex jitkabbar il-larinġ sakemm jasal iż-żmien li jinqata’ – l-aħjar f’dan iż-żmien tas-sena. “Kif tgħaddi din l-okkażjoni niġbru l-pajpijiet tat-tisqija u kif jinġabru nibdew inferrxu l-fertilizzant organiku u naħartu. Minn hemmhekk naslu għal Marzu, żmien il-fjuri, u nieqfu naqra biex in-naħal idakkar u ma jsibx xi jtellfu. Wara jibdew jitferrxu l-pajpijiet għat-tisqija u nissorveljaw minħabba xi mard u nbexxu minħabba l-mard. Nippreferu bexx organiku dejjem biex l-inqas li ssir ħsara u minn Mejju ‘l hemm tibda ssir iż-żabra.”
F’kelmtejn lill-istudenti li b’entużjażmu taw daqqa t’id fil-qtugħ tal-larinġ, il-President George Vella ħeġġiġhom biex jieħdu l-frott taċ-ċitru li huwa nutrittiv u sors importanti ta’ Vitamina Ċ. Il-President Vella appella lill-pubbliku biex jattendi għal Festa Ċitru “għax ikun qed jieħu gost u qed jikkontribwixxi għal The Malta Community Chest Fund.” Il-President qal li t-talbiet ta’ The Malta Community Chest Fund jidħlu s-sena kollha u għalhekk attivitajiet bħal Festa Ċitru mferrxin matul is-sena huma essenzjali.
Ritratti: OPR