Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) se jkun qed jagħti ċ-ċertifikazzjonijiet lill-ewwel 29 alunni li għaddew b’suċċess mill-kors li jrid isir qabel jingħataw warrant ta’ inġiniera (Pre-Warrant Qualification Course, jew aħjar PWQC).
Dan l-avveniment se jenfasizza x-xogħol iebes tal-istudenti u jagħraf l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-qasam tal-inġinerija, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
Barra minn hekk, l-Aġenzija tal-Akkreditazzjoni għal Programmi ta’ Studju fl-Inġinerija, l-Informatika, ix-Xjenzi Naturali u l-Matematika (ASIIN) qiesu li l-programmi tal-Baċellerat fl-Inġinerija tal-MCAST laħaq standards akkademiċi liu huma simili ħafna għal programmi offruti fi ħdan istituzzjonijiet Ewropej oħra.
ASIIN innotaw li l-Pre-Warrant Qualification Course iwassal għal riżultati li jikkonfermaw il-kapaċitajiet ta’ inġinerija tal-applikanti u qiesu dan bħala ġustifikazzjoni għall-eliġibbiltà tagħhom għall-għoti tal-Warrant tal-Inġinerija.