Kull spiżerija f’Malta u f’Għawdex għandha mhux biss prodott għal kull tip ta’ sogħla, imma wkoll għażla ta’ ditti differenti ta’ misturi.
Dan ikkonfermah ma’ ONE News iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott, f’intervista li saret it-Tlieta filgħodu fid-dawl tan-nuqqas ta’ mediċini li hawn bħalissa madwar id-dinja kollha.
Il-Professur spjega wkoll kif ftit tal-ġranet ilu waslet konsenja ta’ co-amoxiclav, jew kif inhu magħruf aħjar, augmentin, li kien hawn domanda qawwija għalih minħabba l-irjiħat u l-mard tax-xitwa.
“Fi żmien qasir ħafna, fi ftit ġranet, waslet f’Malta kunsinna ta’ dan il-prodott minn sorsi differenti. Fil-fatt, jekk wieħed josserva, nhar il-Ħadd, fittxejna u rajna x’kien hawn available ta’ dan il-prodott fl-ispiżeriji, u l-ispiżeriji fejn is-soltu, pereżempju, iżommu għaxar prodotti għall-bżonnijiet ta’ nhar ta’ Ħadd, dakinhar kellhom mal-għoxrin syrup.”
Il-Professur Serracino Inglott spjega kif fl-ispiżeriji f’Malta, imdorrijin insibu xelta ta’ ditti differenti tal-istess prodott, li klinikament ikunu ekwivalenti għal xulxin.
“Hawn Malta mdorrijin li nirrispettaw l-ideat tal-pazjent. Jekk jixtieq prodott, avolja huwa l-istess bħall-ieħor, jew jekk it-tabib jixtieq jikteb trade name flok ieħor, jikteb hekk. Però, dan mhux kif miexja s-sistema internazzjonali, fejn id-deċiżjoni ta’ liema prodott jingħata li jkun ekwivalenti qed tittieħed mill-ispiżjar.”
Filwaqt li saħaq li wieħed dejjem għandu jkollu fiduċja fl-opinjoni tal-ispiżjara, il-Professur spjega kif din is-sitwazzjoni kienet qed tiġri fejn jidħlu l-misturi għas-sogħla.
“Kien hawn xi ftit nuqqas ta’ xi prodotti indikati għal sogħla speċifika, però l-ispiżjar mill-ewwel iġib xelta oħra ta’ prodotti u llum nistgħu ngħidu li kull spiżerija għandha mhux biss prodott għal kull tip ta’ sogħla imma għandha wkoll xelta ta’ prodotti.”
Il-Professur Serracino Inglott spjega kif l-Awtorità qed taħdem lejl u nhar biex tassigura l-aċċess u l-wasliet tal-mediċini f’pajjiżna.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem, l-Awtorità Maltija tal-Mediċini rrakkomandat aktar minn tmien mitt awtorizzazzjoni speċjali għall-użu ta’ mediċini li jinsabu nieqsa fl-Unjoni Ewropea u li saru aċċessibbli għas-suq Maltin din is-sena.
Dan grazzi għal dipartiment speċjalizzat fi ħdan l-Awtorità, li kontinwament jiġbor informazzjoni dwar l-aċċess għall-mediċini.
“Dan il-unit jaħdem billi permezz tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, jagħti pariri biex toħroġ liċenzja speċjali fejn ikun l-interess tas-saħħa pubblika, jiġifieri jekk ikun hemm interess tas-saħħa pubblika, fi żmien tmienja u erbgħin siegħa, aħna noħorġu permess speċjali, li jissejjaħ Article 20. Dal-permess iħalli li tidħol mediċina mill-aktar fis.”