Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera t-Tlieta kompla jinstema’ l-ġuri taż-żagħżugħ ta’ 22 sena li huwa mixli bi stupru.
L-ewwel xhud kienet omm it-tfajla tal-akkużat, li allegatament hija, filmkien ma’ żewġ uliedha, ġiet stuprata mill-akkużat.
Fil-Qorti, l-omm qalet li ftit xhur wara li ż-żagħżugħ beda relazzjoni ma’ bintha ta’ 17-il sena, beda jkun possessiv u ddiskrivietu wkoll bħala għajjur. Sa dak iż-żmien hija kienet tgħix flimkien mar-raġel tagħha f’darhom f’Wied il-Għajn, fejn allegatament seħħ l-abbuż. Intqal li r-raġel imbagħad ġie mġiegħel mil-leħen imur jgħix ma’ ommu u missieru.
L-omm qalet li kienet tisma’ l-ilħna fid-dar, li iżda ma kinetx tibqa’ tismagħhom meta l-imputat ma kienx ikun id-dar. Il-mara rrakkontat kif, f’nhar Santa Marija tal-2018, hija tqajmet f’xi l-11 ta’ filgħaxija b’daqqiet ta’ żraben u rat lampa ttir filwaqt li bdiet tisma’ leħen l-akkużat jgħajjat.
Dak il-ħin hija kellha bżonn tuża l-kamra tal-banju, iżda qalet li semgħet leħen jgħidilha biex tagħmel il-bżonnijiet tagħha fil-gallarija. Żiedet tgħid li l-leħen qalilha li l-akkużat għandu s-setgħa u l-ispirtu miegħu.
Qalet li, fl-istess lejl, il-leħen kien ikkmandaha biex tgħid l-att tal-indiema għarkupptejha filwaqt li ġiegħelha tagħmel atti sesswali mas-sieħeb tagħha. Hija għamlet hekk wara li semgħet quddiesa.
L-omm qalet li ġieli ġiet ordnata taqla’ daqqiet ta’ ponn f’wiċċha minn bintha. Xehdet ukoll li bħala daqqiet kienet anke taqla’ swat bil-frosta bħala kastig.
Il-mara żiedet tgħid li hi ma kinetx tkun taf min kien isawwatha għaliex kienet toqgħod wiċċha ’l isfel. Madanakollu, darba minnhom rat lill-akkużat warajha u hija daħlet difrejha f’idu.
Qalet ukoll li l-leħen kien ordnalhom iġibu kelb. Ftit wara ġiet bintha l-oħra tgħix magħha u ma’ oħtha. L-omm qalet li bintha semgħet leħen jgħidilha li jekk titlaq mid-dar imutu n-nanniet li kienet tgħix magħhom.
Fix-xhieda tagħha, il-mara qalet li l-leħen kien ordnalha biex tagħmel diversi atti sesswali, li matulhom intużat lasta ta’ xkupa. Żiedet tgħid li l-istess att kellu jsir ukoll fuq ħabib tal-familja.
L-istess atti kienu wkoll ikkomunikati mil-leħen ma’ oħt l-għarusa tal-akkużat, li tat ix-xhieda tagħha t-Tlieta.
Hija qalet li l-leħen, li huwa simili għal dak tal-akkużat, kien ordnalha biex tagħmel xi atti ma’ omma u mal-għarus tagħha, li dak iż-żmien kienu ilhom flimkien ġimagħtejn, kif ukoll li tinħasel m’oħtha.
Oħt l-għarusa tal-akkużat xehdet li hi bdiet tissuspetta li l-imputat kien qed jagħmel il-leħen, jimita lix-xitan, li bih ibeżża’ lilha, lil ommha u lil oħtha, tant li kienu jagħmlu dak li kien jgħidilhom.
Hija rrakkontat ukoll numru ta’ drabi meta l-leħen kien jordnalhom jinżgħu għarwenin.
Il-ġuri mistenni jitkompla l-Erbgħa.