It-Tnejn 9 ta’ Jannar 2023 uffiċċjalment intemmet l-10 edizzjoni tal-avventura u l-logħba ta’ HazZzard fuq ONE. Il-parteċipanta Monique hija r-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni. Programm li laqqagħna ma’ 9 parteċipanti. 3 ġew eliminati matul is-sensiela u 3 parteċipanti oħra ċedew fl-isfida finali.
Ir-rebbieħ tal-programm huwa l-parteċipant li jirnexxielu jkun wieħed mill-finalisti u jkollu ċ-ċavetta li tiftaħ il-kaxxa tat-teżor. Ix-xorti tilgħab parti importanti fil-loghba għaliex hija l-unika ċavetta rebbieħa għand min tkun li tiddetermina min ikun ir-rebbieħ tal-programm. Kienu Jeff, Janice u Monique biss li kellhom l-opportunita li jippruvaw ċ-ċwievet tagħhom fil-kaxxa tat-teżor. Ix-xorti daħqet lil Monique li kienet wirtet iċ-ċavetta rebbieħa mingħand Panthea.
Din is-sena l-avventura saret il-Kolombja, fl-Amerika t’isfel. Destinazzjoni mill-isbaħ li offriet ġmiel ta’ xenarji panoramiċi matul is-sensiela kollha. L-aktar mumenti li spikkaw kienu meta l-parteċipanti għaddew xi jiem f’postijiet remoti fl-akbar ġungla tropikali fid-dinja; l-Amażon u f’ġurnata waħda rifsu fuq tliet pajjizi differenti; il-Peru, il-Kolombja u l-Brażil.
Fil-programm tal-finali Wendy Agius kienet iddikkjarata rebbieħa wkoll u ingħatat l-unur tal-aktar parteċipanta favorita mat-telespettaturi. Għażla kompletament f’idejn is-segwaċi tal-programm permezz tat-televoting.