Matthew Bugeja huwa żagħżugħ ta’ 20 sena, li l-passjoni tiegħu lejn il-mużika sa minn età tenera qed twasslu biex jikseb is-suċċessi.
Ma’ dan l-istazzjon huwa rrakkonta kif beda jdoqq il-vjolin meta kellu biss tmien snin.
Minn hemm, kompla jinvolvi ruħu fil-qasam mużikali.
Fil-fatt, fis-sena 2021, huwa sar is-surmast tal-Musea Orchestra, orkestra li bdiet fl-istess sena, bit-tir li tgħaqqad mużika pop ma’ dik klassika.
Bugeja spjega, “Jien oriġinarjament bdejt indoqq il-vjolin u mbagħad meta bdejt indoqq il-vjolin bdiet togħġobni l-mużika u bdejt nieħu interess fiha u biż-żmien bdejt ninvolvi ruħi fl-orkestra u minn hemmhekk bdejt nara d-direzzjoni u ninduna li din fiha arti sabiħa. Imbagħad minn hemm ovvjament beda l-interess tiegħi sew fil-conducting.”
Huwa tkellem magħna dwar l-impenn li ġġorr magħha l-karriera mużikali tiegħu, speċjalment fid-dawl tal-fatt li Matthew huwa wkoll student tal-liġi.
Matthew idderieġa wkoll il-kunċert ta’ lejlet l-ewwel tas-sena f’Għawdex u kif ukoll l-ispettaklu tal-Festival tal-Logħob tan-Nar, fost diversi avvenimenti oħrajn.
Hu qal, “Wieħed mill-isbaħ mumenti kien Gozo New Year’s Eve li sar ġimgħa ilu propju, fih kellna nagħmlu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena ta’ Għawdex, kien hemm attendenza sabiħa ħafna u l-kunċert ħareġ sabiħ ħafna, kien hemm in-nies ħadu gost, u la jieħdu gost in-nies nieħdu gost aħna.”
Meta mistoqsi dwar il-pjanijiet tiegħu għall-futur, bi tbissima qalilna li hemm bosta għanijiet għall-futur li jixtieq jara li jsiru realta’.
Matthew spjega, “Il-pjanijiet għall-futur, bħalissa grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Musea Orchestra għandna xi pjanijiet għall-futur, ftit minnhom huma deċiżi li ħa jsiru u oħrajn nispera li jsiru realta’ u jimmaterjalizzaw fiż-żmien.”