Fl-aktar partita mistennija mill-ħmistax il-ġurnata tal-Kampjonat Premier, Hamrun Spartans rebħu 1 – 0 kontra ċ-ċampjins renjanti Hibernians biex issa fetħu vantaġġ ta’ 11 il-punt fuq l-eqreb tim fil-Kampjonat, Gżira United.
Kienet rebħa ferm meritata għalihom, fejn li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk, l-iskor seta’ saħansitra kien ikbar favurihom.
Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet it-13-il rebħa għall-Ispartans u r-raba’ telfa għal Hibernians matul dan l-istaġun.
Kienu Hamrun li ħoqlu l-ewwel periklu fit-18-il minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Ognjen Bjelicic li ġie salvat minn mal-art u mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper veteran ta’ Hibernians Justin Habar li f’din il-partita reġa’ ngħata l-fiduċja mill-coach Taljan Andrea Pisanu, minflok il-goalkeeper titolari, Ibrahim Kone.
L-Ispartans komplew jiddettaw il-logħob u fil-41 minuta rebħu penalty meta Gonzalo Bravo Llerena waqqa’ lil Bruno Ederson Domingos fil-kaxxa, bil-player tal-Pawlisti jiġi ammonit għal dan il-foul. Iżda mill-11-il metru nkariga ruħu l-midfielder internazzjonali Malti, Matthew Guillaumier, li kellu l-konklużjoni fraġli u fil-baxx tiegħu salvata minn mal-art minn Justin Haber.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, kompla d-dominju assolut tal-Ispartans u fis-60 minuta Jonny xeħet cross fil-baxx lejn il-Kroat, Roko Prsa, li iżda minn pożizzjoni ferm ideali, laqat il-ballun ħażin.
Iżda l-istess player Roko Prsa ma kellux ifalli żewġ minuti biss wara meta wara li qabeż żewġ players avversarji, b’elegenza qabbeż bi ftit il-ballun minn fuq Justin Haber.
Hamrun komplew jippressaw u fil-65 minuta, Guillaumier għadda tajjeb lejn Bruno Ederson Domingos li kkontrolla tajjeb u xxamplat inkredibbilment tefa’ barra.
Fis-76 minuta, Elvis Mashike Sukisa, dejjem għall-Ispartans, kellu xutt angulat minn ġol-kaxxa li ntemm ftit għoli.
Żewġ minuti wara, Mashike Sukisa għadda tajjeb lejn Prsa li iżda wiċċ imb’wiċċ ma’ Haber, tefa’ ftit barra.
Plejer tal-Logħba: Roko Prsa