Il-perjodu festiv li temm is-sena li għaddiet u ta bidu għas-sena l-ġdida, qed ikun meqjus bħala wieħed ta’ suċċess għal diversi setturi f’pajjiżna.
Dan deher biċ-ċar bil-konkorrenza ta’ eluf u s-sentiment espress mill-imsieħba soċjali li kkummentaw fuq kif dan il-perjodu li ntemm ftit tal-ġranet ilu, juri biss reżiljenza u rkupru b’saħħtu.
Il-gazzetta KullĦadd irrappurtat kif matul ix-xahar ta’ Diċembru 2022, kienu ’l fuq minn mitejn elf persuna li żaru l-belt kapitali, li gawdiet minn ammont kbir ta’ attivitajiet kulturali.
Skont ċifri li kisbet din il-gazzetta mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, lil hinn mill-kunċert li laqa’ s-sena 2023, li attira folla ta’ madwar ħamsin elf persuna, l-attivitajiet marbuta mal-inizjattiva ‘Christmas in the Capital’ attiraw mal-mija u ħamsa u ħamsin elf persuna fuq medda ta’ ħamsa u għoxrin ġurnata.
Fuq il-programm Paperscan fuq ONE l-Ħadd filgħodu, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra attribwixxa dan is-suċċess għall-fatt li l-isfidi li jaffaċċjaw il-lukandiera u s-sidien tar-ristoranti qed jiġu ndirizzati.
Primarjament, l-isfida tal-enerġija li f’pajjiżna ġiet issussidjata biex ma tinħass l-ebda żieda fil-prezz tal-enerġija, fejn hawnhekk ġew investiti mas-sitt mitt miljun ewro.
Zahra spjega, “Ir-riżultat huwa li l-ekonomija baqgħet għaddejja b’ritmu tajjeb u qed naraw li qegħdin fost l-aħjar fl-Ewropa.”
Huwa fakkar ukoll kif is-sena 2022 bdiet bit-turiżmu magħluq, biex imbagħad intemmet b’livelli komparabbli għal dak li kellu pajjiżna qabel il-pandemija.
Zahra faħħar ukoll l-inizjattivi li ttieħdu f’dan il-perjodu festiv li komplew isaħħu l-prodott turistiku li joffri pajjiżna matul is-sena kollha.
Zahra spjega, “Fix-xitwa huma partikolarment importanti l-events illi jsiru għaliex fix-xitwa biex nattiraw it-turist lejn Malta irrid ikollna xi ħaġa oħra minbarra l-baħar u x-xemx.”
Il-President tal-MHRA ikkuntrasta l-qagħda li jinsab fiha pajjiżna; li għalkemm fl-Ewropa hemm pajjiżi li qegħdin jesperjenzaw irkupru, dan ma jistax jingħad għal kull pajjiż, filwaqt li antiċipa li s-sena 2023 se tkun waħda b’saħħitha ferm għas-settur turistiku f’pajjiżna.