Matul is-sena li għaddiet, Infrastructure Malta kompliet numru ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri, fosthom dak ta’ fejn l-ajruport li mistenni jitlesta sa tmiem April. Flimkien miegħu kien hemm ukoll it-tlestija tal-underpass tal-Imrieħel li tagħmel parti mill-proġett tas-Central Link.
Apparti dawn il-proġetti kbar, Infrastructure Malta lestiet ix-xogħlijiet fuq ftit aktar minn 200 triq residenzjali.
Iżda, din is-sena l-ħidma se tkompli b’aktar proġetti.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, li semma pjanijiet li għandha l-aġenzija mal-Kunsilli Lokali kif ukoll proġetti marittimi fosthom it-tkomplija tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir.
Hu qal, “Ħa naraw ukoll upgrades importanti bħalma rajna Żebbuġ-Siġġiewi, upgrade ħalliet ir-riżultati għax il-kummenti pożittivi li jgħidulna n-nies li jużaw l-akkwati, se nkunu qed niffukaw fuq żewġ junctions importanti, St. Andrew’s u Tal-Barrani imma fl-istess ħin se nkunu qed niffokaw fuq il-proġett il-kbir massiv li jmiss, l-Imsida Creek.”
Ma jonqosx li dawn ix-xogħlijiet jirrikjedu ħinijiet twal ta’ ħidma u minkejja li ċertu xogħol jippermetti li jsir bil-lejl biex tonqos l-inkonvinjenza, dan mhux dejjem ikun possibbli.
Falzon spjega, “Vera kien isir ħafna xogħol bil-lejl, xogħol ta’ konkos, xogħol ta’ tarmac, imma ma ninsewx li l-proġett tal-Marsa per se kien jippermetti li jkollok impjant tal-konkos u tat-tramac on site. Immaġinak tal-Imrieħel jew postijiet oħra taħdem bi trakkijiet jiġru minn ġot-toroq residenzjali Maltin, allura aħna rridu nsibu bilanċ kemm jista’ jkun bejn l-inkonvenjent li noħolqu u l-inkonvenjent li nistgħu nevitaw. Dak huwa bilanċ li n-nies tekkniċi tiegħi, li għandi fiduċja assoluta fihom, dejjem ipprovaw ifittxu.”
Raġuni oħra hija waħda teknika. Hu spjega, “Aħna fil-proġetti maġġuri tagħna nużaw dak li jgħidulu stone mastic asphalt. Dan huwa asfalt iżjed b’saħħtu, joffri iżjed konsistenza, imma sfortunatament huwa sensibbli ħafna għat-temperatura u allura biex niżguraw l-aqwa kwalità u l-aqwa konsistenza x’ħin ikun jiġi applikat, nużaw is-sigħat ta’ matul il-ġurnata fejn m’għandekx umdità, t-temperatura iżjed stabbli, mhux bħal bil-lejl.”