Il-Ġimgħa tħabbret il-mewt tal-eks attakant internazzjonali Taljan u l-idolu ta’ bosta Gianluca Vialli.
L-eks attakkant ta’ Juventus, Sampdoria, Cremonese u Chelsea kellu biss 58 sena.
Gianluca Vialli tilef ħajtu wara li kien marid serjament b’kanċer fil-prostita tiegħu u li kien ilu jissielet kontrih għal dawn l-aħħar ħames snin.
Huwa miet fi sptar f’Londra, fejn kien qed jieħu l-aħħar kura ta’ ħajtu.
Gianluca Vialli kien wieħed mill-aqwa attakanti tas-snin tmenin u disgħin fejn matul il-karriera tiegħu rebaħ bosta unuri fosthom ic-Champions League, it-Tazza tat-Tazzi darbtejn, darba t-Tazza UEFA, darbtejn il-Kampjonat Taljan, erba’ darbiet il-Coppa Italia, kif ukoll l-FA Cup u l-League Cup fl-Ingilterra.
Mal-azzuri, l-attakant spiċċa fit-tielet post fit-Tazza tad-Dinja tal-1990.
Gianluca Vialli kien ukoll fit-tim ta’ Roberto Mancini li flimkien rebħu l-EURO 2020 meta fil-finali f’Wembley, l-Italja għelbet lill-Ingilterra wara l-għoti tal-penalties.
F’pajjiżna Vialli jibqa mfakkar għall-partita li l-Italja ta’ Arrigo Sacchi lagħbu kontra Malta fl-1992 fl-istadium Nazzjonali f’Ta Qali.
Hu kien skurja l-ewwel gowl f’rebħa ta’ 2-1 għat-Taljani.
Dan l-istazzjon tkellem mad-difensur Joe Galea magħruf bħala l-Olandiż li f’din il-partita kien immarka lil Vialli.
“Anke fil-gowl li skurja, niftakar li kont pied u nofs bogħod minnu. Kemm mied saqajh u skurja. Kien attakkant pur. Niftakar qabel il-logħba tlabtu flokk u hu kien qalli no problem. Anke kien tkellem Ingliż tajjeb.”
Il-logħba ġewwa l-istadium nazzjonali f’Ta Qali kienet l-aħħar partita ta’ Vialli ma’ nazzjonal Taljan.
“Vialli kien ħa l-plejer tal-logħba u min-naħa tagħna kien ħa David Cluett, Alla jaħfirlu. U kienu ppreżentawlu t-trofew u ma kienx ħareġ għalija, għax kien hemm xi diżgwit mal-coach, u din kienet l-aħħar logħba tiegħu mat-Taljani.”