L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Provinċja Maltija tal-Ordni tal-Aħwa tal-Karmelu temmew il-proċess li bih l-Provinċja Karmelitana qed tgħaddi l-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fi Fleur-de-Lys u l-kumpless anness magħha lill-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-użu pastorali tal-istess parroċċa.
Mit-Tnejn 9 ta’ Jannar 2023, il-kura pastorali tal-poplu t’Alla miġbur fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys ser taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Kleru djoċesan. L-Arċisqof Charles Scicluna qed jaħtar lil Dun Darren Pace bħala amministratur parrokkjali ta’ din il-parroċċa. Il-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tiġbor fiha madwar 2,600 persuna.
Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill-Ordni Karmelitan għal tant snin ta’ ħidma pastoralif’din il-parroċċa.
Dun Darren Pace twieled fil-11 ta’ April 1980. Hu rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Mosta u s-Seminarju Minuri. Temm l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 2006. Hu serva f’diversi parroċċi fosthom l-Immakulata Kunċizzjoni l-Ħamrun, l-Imsida, Bormla, Ħal Għargħur u l-Gżira. Dun Darren hu terzjarju profess fl-Ordni Karmelitan u hu assistent direttur spiritwali ta’ diversi fergħat tat-Terz Ordni Karmelitan.