Victor Buhagiar, ta’ 49 sena, li kien ġie kkundannat 6 snin ħabs fuq traffikar ta’ droga eroina, kellu l-piena mibdula għal sena ħabs sospiża għal 3 snin wara li għeleb il-vizzju.
Huwa kien ġie arrestat fl-2002 wara li fil-pussess tiegħu nstabulu tmien qratas eroina. Buttigieg kien sostna li d-droga kienet biss għall-użu personali tiegħu u li n-negozjant tad-droga tiegħu kien ġiegħlu jixtri dan l-ammont kbir.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Qorti rriżulta li dakinhar il-Pulizija wettqet rejd f’daru fejn sabulu diversi pakketti bl-eroina, siringi, kuċċarina, u miżien.
Fl-2015, il-Qorti sabitu ħati u minbarra 6 snin ħabs immultatu €4,000. Madankollu, Buttigieg appella mis-sentenza u insista li d-droga kienet għalih u li l-piena kienet eċċessiva.
Fl-2021 il-Bord għar-Riabilitazzjoni tad-Droga maħtur mill-Qorti kien irrapporta li Buttigieg kien qed jirrispondi tajjeb għat-trattament.
L-Imħallef Edwina Grima, li semgħet l-appell, dalgħodu, qalet li mill-provi rriżulta li Buttigieg għandu storja twila ta’ abbuż ta’ droga. Madankollu, għaraf il-bżonn li jegħleb il-vizzju, segwa l-pjan tal-kura, integra, u daħal fid-dinja tax-xogħol.
Kien għalhekk li l-Qorti rrevokat is-sentenza ta’ sitt snin ħabs għal sentenza ta’ sena, sospiża għal tliet snin. Il-multa ta’ €4,000 tnaqqset ukoll għal €600 u ġiet ikkonfermata ordni biex Buttigieg iħallas €217 fi spejjeż tal-qorti.