F’dan l-ewwel xahar ta’ din is-sena l-ġdida, aktar minn 95,000 pensjonant se jibdew igawdu mir-rati l-ġodda tal-pensjonijiet, hekk kif tħabbar fil-Budget għal din is-sena.
B’dawn ir-rati l-pensjonijiet b’kollox se jkunu qed jiżdiedu bi €12.50 fil-ġimgħa: b’€2.60 fir-rata tal-pensjoni u €9.90 oħra permezz tal-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja, il-COLA. Dan ifisser żieda ta’ €50 kull erba’ ġimgħat.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha fakkar li din hija t-tmien sena b’żieda fil-pensjonijiet u qal li għal din is-sena n-nefqa totali huwa stmata għal €1.1 biljun.
Huwa spjega li hemm erba’ tipi ta’ pensjonijiet differenti, li huma l-pensjonijiet tal-età, il-pensjonijiet tal-irtirar, il-pensjonijiet għar-romol, u l-pensjonijiet tal-invalidità.
Il-Ministru Falzon ħabbar li, mis-Sibt, 74,000 pensjonant li jgawdu mill-pensjonijiet tal-irtirar, li hija l-akbar kategorija, se jkollhom l-ewwel pagament bir-rati l-ġodda.
It-tkabbir huwa dovut l-aktar għaż-żieda fl-għadd ta’ pensjonanti li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi.
Il-pensjonijiet tal-età, li mhumiex kontributorji, igawdu minnhom 4,200 pensjonant, irċivew l-ewwel pagament il-ġimgħa li għaddiet.
L-għadd ta’ dawk li kienu fuq dan il-benefiċċju naqsu fl-aħħar snin minħabba li aktar nies daħlu fid-dinja tax-xogħol.
Ir-romol se jingħataw iż-żieda fil-pensjonijiet mill-14 ta’ Jannar. B’kollox 19,000 persuna se jirċievu din il-pensjoni, waqt li hu stmat li 9,000 persuna, minbarra ż-żieda fil-pensjoni, se jitħallsu sa madwar €3.54 fil-ġimgħa b’investiment ta’ €1.6 miljun.
Il-pensjoni tal-invalidità se tiżdied mill-21 ta’ Jannar u minn dan se jibbenefikaw madwar 2,500 persuna.
Il-Ministru Falzon spjega li dak li qed jagħmel il-gvern Laburista huwa differenti minn dak li għamlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, li taħthom għal 22 sena ma kien hemm l-ebda żieda fil-pensjonijiet.
“Jekk nitkellmu fuq il-pensjonanti kollha kemm huma din se tkun is-sitt żieda konsekuttiva. Kien hemm pensjonanti illi kienu ħadu żewġ żidiet oħra: dawk li kienu fuq il-pensjoni minima u fejn kellek ukoll dik li qed naraw bħalissa bħala investiment għal din is-sena, li jlaħħaq il-pensjonanti biss, €1.1 biljun, u hija turija li aħna verament nemmnu fil-ġustizzja soċjali. Dak għandu jkun l-għan aħħari tagħna: li ngħinu lil dawk li għandhom bżonn dik l-imbuttatura biex ikomplu jkollhom livell ta’ għajxien li huwa aċċettabbli.”
.