Il-Kap Eżekuttiv tal-Kordin Grain Terminal Co. Ltd, Alex Agius, esprima pubblikament l-apprezzament tiegħu għall-fatt li, b’riżultat tal-professjonalità tax-xogħol li sar biex intefa n-nar li ħakem is-silos jumejn ilu, fl-ebda ħin ma kien hemm periklu għan-nies kollha involuti, il-proprjetà, jew abitanti tal-madwar.
Fi stqarrija, huwa qal li b’kollox tneħħiet kunsinna ta’ elf u tlett mitt (1,300) tunellata ta’ alfalfa minn żewġ silos.
Is-Sur Agius spjega li, kawża tal-inċertezza li ħolqot il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, kien hemm il-ħtieġa li wieħed mill-klijenti tal-Kordin Grain Terminal jaħżen kwantità kbira ta’ għalf. Il-ħażna ta’ dan il-prodott partikulari għal żmien twil iġġorr riskju magħha u dan peress li jista’ jkollok fermentazzjoni, bil-konsegwenza li tibda tiela’ t-temperatura tal-prodott.
Il-Kordin Grain Terminal hija mgħammra b’sistema biex il-prodott ikun kontinwament sorveljat u b’hekk tkun magħrufa t-temperatura tal-prodott f’kull ħin. F’każijiet bħal dan li seħħ, il-Kordin Grain Terminal tagħmel ukoll sorveljanza ta’ gassijiet li jistgħu jkunu perikolużi.
Huwa qalli matul dawn l-aħħar erbat ijiem il-kumpanija nnutat li t-temperatura f’post partikolari tal-prodott bdiet tiela’ drastikament u kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni f’waqtha sabiex il-prodott jitneħħa minn fejn kien u jittieħed f’impjant tal-WasteServ.
B’hekk, ġew salvati tliet mitt (300) tunnellata minn elf u tlett mitt (1,300) tunnellata. Dak li ġie salvat kien f’silo differenti u b’hekk ġiet evitata kull possibbiltà ta’ kontaminazzjoni.
Il-Kordin Grain Terminal assigurat li mhux se jkun hawn nuqqas ta’ dan il-prodott u se jkun hemm konsistenza b’tali mod li dan se jibqa’ jkun fornut bħalma kien qiegħed isir qabel dan l-inċident.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija fakkar ukoll li l-Gvern qiegħed jagħti sussidju sabiex jassigura li l-prezzijiet għall-konsumatur jibqgħu l-istess u anke wara san l-inċident, il-prezz għall-konsumatur mhux se jiġi affettwat.
Dwar l-operazzjoni delikata li ħadet total ta’ erbgħa u għoxrin (24) siegħa mingħajr waqfien, huwa qal li biex setgħet isseħħ kienu involuti l-ħaddiema tal-Kordin Grain Terminal, li ħadmu flimkien mal-Protezzjoni Ċivili, it-Transport Malta, il-LESA, il-WasteServ, il-Valletta Gateway Terminals Ltd, id-Dipartiment tas-Saħħa, il-Korp tal-Pulizija, konsulenti, u kuntratturi privati, li lkoll għenu sabiex il-prodott jiġi ttrasportat mingħajr ebda telf ta’ ħin lejn l-impjant tal-WasteServ.
Dan il-prodott se jiġi rriċiklat.