Il-Ġimgħa, 6 ta’ Jannar, Malta sellmet lill-eks Segretarju Parlamentari u eks Deputat Laburista Silvio Parnis.
Kien it-Tlieta filgħodu meta tħabbret il-mewt tal-eks xandar, sindku, Segretarju Parlamentari u Deputat Laburista, fl-età ta’ sebgħa u ħamsin sena.
Qabel ingħatat l-aħħar tislima lil Silvio Parnis f’Raħal Ġdid, il-korteo għadda minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Hemmhekk kien hemm l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, flimkien mal-Eżekuttiv u l-fergħat tal-partit.
Kif il-korteo wasal quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, Chris Fearne, poġġa kuruna tal-fjuri fuq it-tebut.
Fit-8:30 ta’ filgħodu l-Bażilika ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, kienet imtliet sa ruħ ommha.
Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika mexxiha l-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana, il-Monsinjur George Frendo, flimkien mal-Kanonku Joe Mizzi.
Kien il-kanonku Mizzi li għamel l-omelija, li fiha ddeskriva lil Silvio bħala raġel tan-nies u bniedem umli. Irrimarka li l-Vanġelu li nqara kien joqgħod eżatt għal Silvio għaliex min jaf kemm in-nies ibbenefikaw mill-ġenerożità sabiħa tiegħu.
“Jien niftakar lil Silvio, il-bniedem viċin in-nies. Kieku ma kienx viċin in-nies, kieku ma jkunx hawn daqsekk nies fil-bażilika ta’ Raħal Ġdid, għax kien dejjem qrib il-poplu, viċin in-nies. U biex tkun viċin in-nies irid ikollok qalb li tħobb, u dak kien Silvio. Kellu qalb miftuħa li tħobb.”
Huwa kompla jgħid li għal Silvio l-politika kienet passjoni u jiftakru jgħid li hu daħal fil-politika biex jaqdi u mhux biex jinqeda.
“Il-Politika kienet missjoni għalih, il-vokazzjoni tiegħu, is-sejħa tiegħu. Huwa ħassu li jrid jagħmel milli jista’, jagħmel mill-aħjar, mill-kontribut tiegħu seta’ jagħmel dinja aħjar. Mhux ispirazzjoni għalina lkoll din, li s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna hawnhekk żgur jagħmel dinja isbaħ u aħjar? Mela, allura, għandha tħeġġiġna, din, biex wieħed minna jimpenja ruħu biex ngħinu lill-familja, fuq il-post tax-xogħol, biex nagħmlu dinja isbaħ, dinja aħjar. ”
Preżenti kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia, mart il-President ta’ Malta, Miriam Vella, membri tal-Kabinett tal-Ministri, membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra, u l-eks mexxejja tal-Partit Laburista Alfred Sant u Joseph Muscat.
Fi tmiem il-funeral, waqt li t-tebut kien qed jinġarr ’il barra mill-bażilika, ħafna nies minn ġol-bażilika ksew it-tebut bi fjuri kkuluriti filwaqt li kellhom kliem u ġesti ta’ sabar għal martu Dorianne, ibnu Jacob u qraba oħra tiegħu.