Aktar tard dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja u nofs, se tingħata l-aħħar tislima lill-eks Segretarju Parlamentari u Deptuat Laburista, Silvio Parnis, fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.
Qabel, il-korteo se jgħaddi minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, fejn l-Amministrazzjoni flimkien mal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, se jsellmu għall-aħħar darba lil Silvio Parnis.
Il-familja qalet li Silvio ma tantx kien jogħġbu l-kulur iswed waqt il-funerali. Għalhekk, intqal li min se jattendi jattendi dalgħodu, jista’ jilbes ukoll l-abjad, il-griż u l-blu skur.
Intant, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista qabel b’mod unanimu li Silvio Parnis jiġi rikonoxxut mill-Istat, meta iktar tard din is-sena, l-istat ikollu okkażjoni biex jirrikonoxxi lil dawk li jkunu taw kontribut sinjifikanti fis-soċjetà tul is-snin.
Din kienet proposta li għamilha l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Silvio Parnis se jibqa’ mfakkar għaliex dejjem ħaddem il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, kien dejjem viċin il-batut, u ħadem bil-kbir fost l-anzjani.
Il-funeral se jixxandar dirett fuq one.com.mt