Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Palestina jmorru lura għexieren ta’ snin, li matulhom dejjem kienu b’saħħithom u msejsin fuq ħbiberija ġenwina bejn iż-żewġ popli.
Fil-belt ta’ Ramallaħ, Malta għandha Uffiċċju Rappreżentattiv li minnu ssir il-ħidma sabiex dawn ir-relazzjonijiet tajbin ikomplu jissaħħu. Dan l-Uffiċċju huwa wkoll, fost l-oħrajn, il-punt ta’ referenza għall-Maltin waqt li jkunu fit-territorji Palestinjani.
Ir-Rappreżentant ta’ Malta għall-Palestina, Franklin Aquilina, spjega kif, politikament, Malta dejjem appoġġjat ix-xenqa tal-Palestinjani li jkollhom l-Istat tagħhom.
“Is-sapport tagħna jmur lura lejn is-snin sebgħin u anki qabel, mill-Indipendenza ’l hawn, u dejjem nibqgħu nsegwu l-kunflitt u naħdmu kemm fuq bażi bilaterali u anki multilaterali biex fl-aħħar issaltan il-paċi fil-Lvant Nofsani.”
L-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Malta fil-Palestina jaħdem ukoll fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali, fosthom permezz ta’ talent kulturali Malti li jinġieb fil-Palestina, bħal fil-każ tal-kantanti Maltin li fl-aħħar snin kantaw waqt iċ-ċerimonja uffiċjali li fiha tinxtegħel is-siġra tal-Milied f’Misraħ il-Maxtura f’Betlem.
L-Uffiċċju jaħdem ukoll fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fil-qasam edukattiv, fosthom permezz ta’ boroż ta’ studju li Malta toffri kull sena lil studenti Palestinjani. Dan minbarra l-funzjoni konsolari tiegħu, bħal kull missjoni diplomatika oħra.
“Nippruvaw inġibu anki attivitajiet kulturali u kummerċjali, qrib xulxin, u anki ngħinu lill-Maltin fi kwistjonijiet konsolari; ngħinu lill-Maltin li jistgħu jsibu ruħhom f’diffikultajiet hawnhekk u nipproċessaw il-viża tal-Palestinjani biex iżuru Malta.”
L-Uffiċċju Rappreżentattiv ta’ Malta fil-Palestina jaħdem ukoll għal titjib fil-qasam tat-turiżmu bejn iż-żewġ naħat.
“Hija popolari ma’ nies li jiġu hawnhekk bħala pellegrinaġġi reliġjużi. Jiġu l-Franġiskani – partikularment il-Franġiskani – li jġibu numru ta’ nies, pero anki b’mod individwali jiġu. It-turiżmu, sfortunatament, bħalma ġara fid-dinja kollha, naqas – waqaf anzi – għal sentejn sħaħ, imma issa, aktar kmieni din is-sena, erġajna bdejna naraw żieda fit-turiżmu Malti u internazzjonali.”
F’kumment li tat lil One News ftit jiem ilu, il-Ministru Palestinjana tat-Turiżmu u l-Antikitajiet, Rula Maaya, esprimiet is-sodisfazzjon li, wara l-pandemija, din is-sena t-turiżmu fil-Palestina reġa’ beda jirkupra. Hija esprimiet ukoll ottimiżmu li t-turiżmu bejn Malta u l-Palestina jkompli jissaħħaħ.
“We hope that next year, 2023, the numbers will be like before the pandemic; even more. I hope to see more people from Malta coming to Palestine.”