Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista qabel b’mod unanimu li l-eks deputat Silvio Parnis ikun rikonoxxut mill-istat meta iktar tard din is-sena, l-istat ikollu okkażjoni biex jirrikonoxxi lil dawk li jkunu taw kontribut sinjifikanti fis-soċjeta tul is-snin.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista, fejn intqal li din kienet proposta tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista.
Waqt din il-laqgħa tal-grupp parlamentari huma sellmu l-memorja ta’ Silvio Parnis, li serva fil-Parlament bħala membru tal-istess Grupp Parlamentari f’ħames leġiżlaturi.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li f’kull livell li ħadem fih, ħares biss lejn is-servizz li jista’ jagħti n-nies.
Intqal li kien politiku maħbub, għax dejjem ġab l-interess ta’ ħaddieħor qabel tiegħu mingħajr ma ħares lejn kuluri politiċi.
Dan hekk kif huwa fil-prattika huwa ħaddem dejjem il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, kien dejjem viċin il-batut u ħadem bil-kbir fost l-anzjani.