Pjan ta’ emerġenza minħabba nuqqas ta’ mediċini.
Nuqqas ta’ mediċini tad-deni joħloq kaos u domanda għall-mediċini madwar id-dinja.
Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ mediċini fi Franza tkompli tmur għall-agħar.
In-nuqqas ta’ mediċini fl-Ewropa.
L-isptarijiet fil-Ġermanja jwissu dwar nuqqas ta’ mediċini.
Kumpaniji tal-farmaċewtika fiċ-Ċina qed joperaw b’kapaċità sħiħa biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ mediċini għall-irjiħat.
L-Irlanda taffaċċja nuqqas ta’ mediċini essenzjali, b’189 mediċina out of stock.
Dawn huma wħud mit-titli li fl-aħħar jiem u ġimgħat, iddominaw artikli ta’ aġenziji tal-aħbarijiet madwar id-dinja kollha, fosthom fl-Awstralja, fiċ-Ċina u fl-Ewropa, hekk kif il-manifatturi tal-mediċini madwar id-dinja, mhumiex ilaħħqu mad-domanda li qed issir mill-pajjiżi.
ONE News żar is-Central Procurement and Supplies Unit, is-CPSU, f’San Ġwann, id-dipartiment li jara l-wasliet tal-mediċini f’Malta li mbagħad jitqassmu fl-isptarijiet u fl-ispiżeriji taħt l-iskema tal-POYC.
Id-Direttur Maniġjerali tas-CPSU, l-Inġinier Karl Farrugia, spjega x’wassal għal din is-sitwazzjoni internazzjonali.
“Globalment, inqalgħet ċirkostanza li kienet li fi żmien il-Covid. Ħafna mill-influwenzi ma kinux qed jiġru għax kulħadd kien qed jipproteġi ruħu bil-maskri u kulħadd kien qed jibqa’ iżolat, allura ma kellniex influwenza. Issa, f’daqqa waħda, ir-restrizzjonijiet tneħħew u ġejna iktar close ta’ xulxin u r-rata ta’ mard kibret. Għaldaqstant, fejn qabel il-manifattur beda jnaqqas il-produzzjoni tiegħu, issa f’daqqa waħda dik ir-requirement splodiet u mhux ilaħħqu magħha, jiġifieri dik hi r-realtà, li mhux ilaħħqu mal-produzzjoni li għandna bżonn.”
Is-CPSU għandu stokk ta’ ’l fuq minn elfejn mediċina u ħamest elef apparat li jintuża fl-isptarijiet.
Din il-binja tissuplixxi mediċina lil madwar mitejn u għoxrin spiżerija għal aktar minn 150,000 pazjent.
Minkejja li Malta hija parti mid-dinja u ntlaqtet ukoll, is-sitwazzjoni f’Malta hija tajba meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra.
“Iċ-Ċina u l-Indja huma l-iktar producers ta’ dawk li aħna nsejħulhom l-active ingredients, jiġifieri l-component attiv tal-pillola. Hemmhekk kien hemm lockdowns u allura l-production kienet naqset. Issa, però, qed jaraw li l-production terġa’ tiżdied. Allura, fil-bqija tal-Ewropa u tad-dinja, għandu jkun hawn produzzoni biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda fix-xhur li ġejjin.”
L-Inġinier Farrugia kellu żewġ appelli għal min imur fi spiżerija u ma jsibx il-mediċina li għandu bżonn.
“Importanti nifhmu li hija sitwazzjoni skomda, però mhix sitwazzjoni ta’ allarm li l-pajjiż se jibqa’ bla mediċini u, għaldaqstant, l-ewwel appell tiegħi huwa li dak li jkun, meta jkollu bżonn mediċina, jiċċekkja jekk għandux id-dar, għax ħafna min-nies ikollhom mediċina tkun għadha tajba, mhux skaduta, fil-medicine chest tagħhom, u lanqas biss jiċċekkjaw – jaqbdu u jmorru jixtru kif jiġu prescribed ċerti mediċini. Allura, l-ewwel ħaġa li persuna għandu jagħmel huwa li jiċċekkja x’għandu d-dar, u apparti minn hekk, meta jmur jixtri mediċina u ma jsibx, jeżistu alternattivi u, għaldaqstant, għandu jikkonsulta mat-tabib tiegħu dwar x’mediċini oħra jista’ juża.”