Dalwaqt il-bandiera Maltija se titpoġġa b’mod ċerimonjali fid-daħla tas-sala tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York flimkien mal-bnadar tal-erba’ pajjiżi l-oħrajn li wkoll ġew eletti biex, mill-bidu ta’ din is-sena, iservu mandat ta’ sentejn f’siġġu f’dan il-Kunsill.
Il-Kunsill tas-Sigurtà huwa wieħed mill-organi ewlenin tan-NU u għandu bħala r-responsabbiltà primarja tiegħu ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà madwar id-dinja. Din hija t-tieni darba li Malta ġiet eletta biex isservi fil-Kunsill; l-ewwel darba kienet fl-1983-84.
Il-Kunsill huwa magħmul minn 15-il pajjiż. Minn dawn, ħamsa – ir-rebbieħa tat-Tieni Gwerra Dinjija – huma permanenti: iċ-Ċina, il-Federazzjoni Russa, Franza, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti. L-għaxar membri l-oħrajn mhumiex permanenti u jiġu eletti 5 kull sena għal terminu ta’ sentejn mill-Assemblea Ġenerali tan-NU.
Malta ġiet eletta biex isservi għall-2023 u l-2024 wara kampanja li għamlet bit-tema ‘Sigurtà, Sostenibbiltà, Solidarjetà’. Magħha ġew eletti wkoll l-Ekwador, il-Ġappun, il-Możambik, u l-Iżvizzera.
Iċ-ċerimonja li fiha jitpoġġew il-bnadar tal-pajjiżi li jkunu qed jibdew il-mandat ta’ sentejn tagħhom f’siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà kien bdiha l-Każakstan meta kellu l-Presidenza tal-istess Kunsill f’Jannar tal-2018. Il-ħsieb warajha hu li jingħata għarfien lill-mandat li l-komunità internazzjonali tkun tat lil dawk il-pajjiżi biex iwettqu l-biċċa xogħol ta’ importanza u responsabbiltà kbira li jinżammu l-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja. Meta pajjiż jiġi elett biex iservi f’dan il-Kunsill, dan ikun xhieda tal-fiduċja li jkunu poġġew fih il-192 Stat membru l-oħrajn tan-NU.
Waqt iċ-ċerimonja tal-lum, ir-rappreżentanti ta’ kull pajjiż li qed jibda jservi fil-Kunsill tas-Sigurtà se jkunu mistednin jagħmlu diskors qasir. F’isem Malta, il-messaġġ se tgħaddih ir-Rappreżentanta Permanenti Maltija għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Vanessa Frazier.