L-2022 kienet sena li matulha saru għadd ta’ elezzjonijiet importanti madwar l-Unjoni Ewropea; elezzjonijiet li wħud minnhom ħallew lill-Unjnoi Ewropea nnifisha kif ukoll lill-bqija tal-Istati membri fuq ix-xwiek.
F’April, fl-Ungerija, il-Prim Ministru Viktor Orban rebaħ b’maġġoranza kbira l-elezzjoni li tatu r-raba’ mandat konsekuttiv. Il-partit populista u tal-lemin li jmexxi, il-Fidesz, kiseb aktar minn żewġ terzi tas-siġġijiet fil-Parlament.
Wara l-elezzjoni, l-Ungerija u l-istituzzjonijiet Ewropej bdew jaraw inqas għajn m’għajn u eventwalment Brussell iffriżat it-trasferiment ta’ biljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej lil Budapest. Dan seħħ b’rabta ma’ allegati nuqqasijiet dwar is-saltna tad-Dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertajiet tal-akkademiċi, id-drittijiet tal-persuni LGBTQI, u s-sistema tal-ażil.
Fi Franza, il-biża’ li l-pajjiż imur lejn il-lemin ta’ Marine Le Pen intemmet meta f’April il-poplu Franċiż ta lill-President ċentrista Emmanuel Macron it-tieni mandat tiegħu. Madankollu, fl-elezzjonijiet leġiżlattivi li saru xahrejn wara, il-partit tiegħu Renaissance tilef il-maġġoranza assoluta li kien igawdi fil-Parlament.
Taħt Macron, Franza qed tibqa’ timbotta aġenda pro-Ewropea, fosthom favur il-Komunità Politika Ewropea, forum intergovernattiv għal taħditiet politiċi u strateġiċi dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, li twaqqaf wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Il-Komunità Politika Ewropea tinkludi fiha l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra, partikularment dawk li qed ifittxu li jsiru membri tagħha.
Ċaqliqa lil hinn mil-lemin seħħet fl-elezzjoni parlamentari li saret fis-Slovenja, ukoll f’April. Kien partit liberali ġdid – il-Moviment tal-Ħelsien – li kiseb l-akbar appoġġ u qala’ minn postu lill-Prim Ministru populista Janez Janša. Janša kien ġie akkużat li kien qed jiġbed lil pajjiżu lejn il-lemin bħalma qed jagħmel Viktor Orban fl-Ungerija.
Il-fundatur u Kap tal-Moviment tal-Ħelsien, il-progressiv Robert Golob, sar il-Prim Ministru l-ġdid tas-Slovenja wara li, fil-kampanja elettorali, kien iddikjara l-elezzjoni bħala referendum fuq id-demokrazija u wiegħed li jsaħħaħ ir-relazzjoni ta’ pajjiżu mal-Unjoni Ewropea.
Tliet xhur wara li beda jmexxi l-Gvern, is-Slovenja saret l-ewwel pajjiż Ewropew eks Komunist li llegalizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Ewlenija wkoll fost l-elezzjonijiet li saru fl-2022 kien hemm dik tal-Italja, f’Settembru. Din l-elezzjoni tat lil dan il-pajjiż ġar tagħna l-ewwel gvern tal-lemin estrem mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, kif ukoll l-ewwel Prim Ministru mara.
Il-partit Fratelli d’Italia, immexxi minn Giorgia Meloni, kiseb l-akbar appoġġ biex jiggverna u fforma koalizzjoni mal-Lega Nord ta’ Matteo Salvini u mal-Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi.
Ħafna beżgħu li l-Gvern ta’ Meloni seta’ jwassal lil dan l-Istat fundatur tal-Unjoni Ewropea biex jispiċċa f’taqbida mal-istess Unjoni, iżda dan s’issa ma kienx il-każ, forsi wkoll minħabba d-dipendenza li l-Italja għandha fuq il-fondi Ewropej.
Rebħa oħra għal-lemin seħħet fl-Iżvezja, ukoll f’Settembru. Għalkemm ma rebaħx l-elezzjoni, il-partit tad-Demokratiċi Żvediżi, partit b’għeruq fil-faxxiżmu, qed jitqies bħala li kien l-ikbar rebbieħ. Id-Demokratiċi Żvediżi spiċċaw it-tieni l-akbar partit fil-Parlament, wara l-Partit Soċjal Demokratiku, b’żieda qawwija ta’ 11-il siġġu.
Dan ifisser li l-lemin estrem irnexxielu jikseb biżżejjed appoġġ biex ħarbat is-sistema tradizzjonali Żvediża bbażata fuq żewġ partiti moderati kbar, wieħed li jxaqleb lejn ix-xellug u l-ieħor li jxaqleb lejn il-lemin.
Għalkemm mhumiex parti formali mill-koalizzjoni fil-Gvern, id-Demokratiċi Żvediżi xorta waħda għandhom influwenza qawwija fuq id-deċiżjonijiet li jieħu l-Prim Ministru, Ulf Kristersson.
L-Unjoni Ewropea hija mħassba dwar l-influiwenza li jista’ jkollu dan il-partit b’għeruq faxxisti fuq il-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li bdiet fl-1 ta’ Jannar.